Transport Malta tissospendi l-uffiċjali allegatament involuti fl-iskandlu tat-testijiet tas-sewqan

Transport Malta tissospendi uffiċjali involuti fl-iskandlu ta’ korruzzjoni tat-test tas-sewqan

Transport Malta (TM) ssospendiet it-tliet uffiċjali li allegatament huma involuti fl-iskandlu marbut mat-testijiet tas-sewqan inkluż id-Direttur ta’ TM stess, Clint Mansueto. Iż-żewġ uffiċjali l-oħra huma Raul Antonio Pace u  Philip Edrick Zammit, li kien ukoll Kunsillier Laburista fil-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ mill-2019 sa ftit xhur ilu, meta rriżenja sabiex jibqa’ Kunsillier Indipendenti.

It-tliet irġiel itellgħu l-Qorti lbieraħ fuq allegazzjonijiet li għenu lil xi sewwieqa li qed jitgħallmu t-test jgħaddu mill-eżami tat-teorija u f’xi każi tal-prattika wkoll. It-tlieta li huma ċaħdu l-akkużi ta’ korruzzjoni meta dehru l-Qorti.

Kien fis-smigħ tal-bieraħ ukoll li ħareġ illi Clint Mansueto li kien responsabbli mid-Direttorat tal-vetturi fuq l-art, qal lill-Pulizija li kien qed ikun “taħt pressjoni minn Ministru” sabiex jagħmel dan kollu.

Intant, MaltaToday irraporta li f’mistoqsijiet mibgħuta lill-Uffiċju tal-Prim Ministru dwar dan, l-Uffiċċju kkonferma li huwa għadu mhux konxju ta’ ebda’ akkuża miftuħa l-Qorti fil-konfront ta’ ebda Ministru involut fl-istess skandlu.

More in Politika