'Il-bidla ma tieqaf qatt' - Il-PM waqt it-tnedija tal-kampanja INDAQS miż-Żgħażagħ Laburisti

Il-kampanja se tkun qed taħdem fuq kampanji u proposti favur l-ugwaljanza u s-saħħa sesswali fost oħrajn

Il-Ġimgħa filgħaxija, Żgħażagħ Laburisti nedew il-kampanja INDAQS – kampanja li se tara din il-fergħa fi ħdan il-Partit Laburista taħdem fuq kampanji u proposti rigward diversi suġġetti fosthom is-saħħa sesswali, l-inugwaljanzi li għadhom jeżistu bejn ir-raġel u l-mara, il-ġenerazzjoni aktar avvanzata fl-età u fl-istess waqt, il-ġenerazzjoni aktar żagħżugħa fis-soċjetà tagħna u temi oħra.

Il-kampanja tnediet fix-xahar ta’ Settembru li huwa wkoll magħruf bħala pride month.

Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela li sostna li l-pajjiż għandu jkun kburi bir-riżultati li kiseb iżda insista li għadd ħafna xi jsir fil-qasam tal-ugwaljanza.

Fil-jum li tħabbru protokolli ġodda dwar id-donazzjoni tad-demm, li permezz tagħhom se titwarrab għal kollox diskriminazzjoni li kienu jaffaċjaw persuni fi ħdan il-komunità LGBTIQ+,, il-Prim Ministru sostna li din hija eżempju konkret ta’ ħidma li għaddejja favur din il-komunità f’pajjiżna.

Abela sostna li Gvern Laburista għandu "r-rieda u kredibilità" biex pajjiżna dejjem jibqa’ fuq quddiem nett.

Hu temm id-diskors tiegħu billi qal li l-bidla ma tista’ tieqaf qatt u ta impenn ta’ appoġġ liż-żgħażagħ biex ikomplu jisfidaw l-istatus quo. 

il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti Georvin Bugeja saħaq li l-pajjiż irid jaħdem biex fiż-żmien li ġej, il-ħajja tkun aħjar milli hi llum għal kulħadd għax fi kliemu "aħna kollha bnedmin, kollha ndaqs."

Fi kliemu, dan il-prinċipju se jwitti l-ħidma tal-fergħa żagħżugħa fil-kampanja INDAQS. 

More in Politika