L-Assoċjazzjoni tal-Ġudikatura, flimkien mal-Prim Imhallef tal-Qrati Maltin, illum ippubblikaw l-ittra anonima li rċeviet il-Maġistrat Nadine Lia u li tħalliet minn xi ħadd anonimu, fir-residenza privata tagħha.
L-ittra tgħid hekk: 'Għidnilek biex twarrab. Issa oqgħod tpaxxa arana inkisrulek il-karriera u ż-żwieg. Kuntenta hekk? Darba oħra obdi kif jagħmlu l-oħrajn. Omerta Si. Sfidare No'
L-Assoċjazzjoni qalet illi tali intimidazzjoni u aġir ma jista qatt ikun aċċettat f'soċjetà demokratika li tħaddan il-prinċipji tas-saltna tad-dritt. "Ġudikant għandu jitħalla jwettaq dmirijietu b’serenità u mingħajr ebda forma ta’ pressjoni, jew ta' biza' ghalih personalment u għal familja tiegħu!" L-Assoċjazzjoni qalet illi filwaqt li l-Ġudikatura tifhem u taċċetta li jkun hemm kritika dwar l-operat tagħha, tisħaq li dan qatt ma għandu jwassal għal pressjoni, intimidazzjonijet u theddid fuq il-ġudikanti u l-familji tagħhom."
L-Assocjazzjoni u l-Prim Imhallef esprimew solidarjetà mal-ġudikanti kollha li jirċievu tali theddid u stiednu lill-awtoritajiet responsabbli sabiex iħarsu l-indipendenza u s-sigurtà tal-Ġudikatura.