L-eks segretarju permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Frank Fabri inħatar general manager f'waħda mill-iskejjel tal-ITS.
Il-ġurnal tat-Times of Malta żvelat kif Fabri ġie inkarigat bl-implimentazzjoni tal-pjan strateġiku l-ġdid tal-ITS imniedi s-sena l-oħra.
Il-pjan strateġiku tal-ITS għandu l-għan li jfassal l-eċċellenza u l-innovazzjoni fit-turiżmu, permezz ta’ tagħlim, riċerka ta’ kwalità, pariri, u ta’ kunċetti kummerċjali innovattivi.
Frank Fabri kien irriżenja minn Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni ftit ġimgħat biss wara li r-riżenja tal-Ministru Justyne Caruana, lura f’Jannar.
Caruana rriżenjat wara li investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards sabet illi kisret l-etika meta tat kuntratt ta' €15,000 lis-sieħeb tagħha, Daniel Bogdanovic, għal xogħol li hu ma kienx kapaċi jagħmel. Kien Fabri stess li ffirma dan il-kuntratt. Skont rapporti, Fabri kien taħt pressjoni biex jirriżenja.
F'kummenti tiegħu, is-CEO tal-ITS Pierre Fenech, spjega illi Fabri se jkun qiegħed jieħu responsabbilità ta' skola tat-taħriġ fejn nies li diġà jaħdmu fl-industrija se jkunu qed jitgħallmu aktar ħiliet.
Żied illi l-għażla tal-persuna kienet ibbażata fuq kwalitajiet u esperjenza fi ħdan is-settur tal-Edukazzjoni. Skont hu, fil-każ ta' Fabri spikka l-fatt li għandu esperjenza estensiva fl-edukazzjoni tal-pratikka u dan kien utli peress li din l-iskola se tiffoka prinċipalment fuq prattika kemm fi ħdan l-ITS kif ukoll fuq ix-xogħol fi ħdan l-industrija.
"L-ITS huwa ottimist li l-kompetenza ta' Fabri f’dawn l-oqsma se ssaħħaħ ir-rabtiet diġà b’saħħithom bejn din l-istituzzjoni edukattiva u l-industrija tat-turiżmu," temm jgħid Fenech.