Il-Parlament Ewropew, għall-ewwel darba fl-istorja, iddikjara stat membru bħala “mhux kompletament demokratiku.” L-MEPs qalu illi l-Ungarija, il-pajjiż ikkoċernat, għandu jistqies bħala pajjiż “b'hybrid ta’ awtokrazija elettorali.” Dan għaliex minkejja li l-elezzjonijiet xorta jsiru, ma jsirux b’rispett lejn id-demokrazija.
F’riżoluzzjoni, l-MEPs weħlu fil-Prim Ministru Viktor Orbán, illi ilu Prim Ministru tal-Ungerija mill-2010.
L-isfidi li huma inkwetati fuqhom l-aktar l-MEPs jinkludu lista twila ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, kif ukoll ksur fis-sistema elettorali, fl-indipendenza tal-ġudikatura, fil-libertà tal-espressjoni, fil-pluraliżmu fil-midja, fid-drittijiet tal-LGBTIQ+, fost oħrajn.
Huma kkritikaw ukoll lill-Istituzzjonijiet Ewropej talli ħallew is-sitwazzjoni tiggrava daqshekk.
Ir-rapport għaddha b’433 vot favur u 133 vot kontra u fost l-MEPs li vvutaw favur ir-rapport kien hemm l-MEP Malti Cyrus Engerer li mhux l-ewwel darba tkellem kontra l-ħakma ta’ Orbán.
Is-sena l-oħra il-Parlament Ewropew kien saħansitra vvota favur ir-riżoluzzjoni miktuba minn Engerer kontra liġi Ungeriża li tipprojbixxi materjal li juri orjentazzjoni sesswali differenti f'materjal edukattiv.
Il-Gvern Ungeriż dakinhar kien ġie mwissi fil-Parlament bl-aktar mod ċar mill-Kummissjoni Ewropea permezz tal-Kummissarju Vera Jourova li mhux se jkunu aċċettati kompromessi fuq il-valuri bażiċi umani u tal-UE.
Il-fondi mgħotija lill-Ungarija fil-passat taħt skrutinju wkoll
L-Ungerija ilha s-snin taħt skrutinju minn Brussell. Iżda issa l-Kummissjoni Ewropea f’April għaddiet “mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità.” Din hi sistema ġdida tista’ tiffriża s-sehem allokat ta’ pajjiż mill-baġit tal-UE meta l-interessi finanzjarji ikunu potenzjalment ipperikolati.
Johannes Hahn, il-Kummissarju Ewropew għall-baġit tal-Unjoni Ewropea, ippropona tnaqqis ta’ 70% fil-finanzjament tal-Ungerija jekk il-Gvern jonqos milli jimplimenta l-miżuri meħtieġa biex isaħħaħ id-demokrazija u jiġġieled b’mod effettiv il-korruzzjoni.
Kull sena, l-Ungerija tirċievi 'l fuq minn €6 biljun f'fondi tal-UE, li ħafna minnhom jappoġġjaw proġetti ta' koeżjoni.
Barra minn hekk, l-Ungerija tibqa’ l-uniku stat membru mingħajr pjan ta’ rkupru tal-COVID-19 approvat.