Fid-dawl ta' ċifri ppubblikati din il-ġimgħa u li jitrattaw dawk ippubblikati fis-SILC-EU, il-Partit Nazzjonalista sostna illi m’hemmx dubju li l-qagħda tal-anzjani fl-aħħar xhur "kompliet tiggrava minħabba ż-żieda qawwija fl-għoli tal-ħajja, bil-prezzijiet dejjem jgħolew, specjalment tal-ikel u tal-medicini."
Iċ-ċifri juru illi dawk l-anzjani ta’ aktar minn 65 sena li s-sena li għaddiet kienu f’riskju tal-faqar u esklużjoni soċjali laħqu s-27,562 jew 29.9% tal-anzjani kollha. Din iċ-ċifra turi żieda ta’ 1.4% fuq l-2020, bl-akbar żieda kienet dik tan-nisa, li jilħqu l-15,732 – minn 30% fl-2020 għal 32.3% s-sena li għaddiet.
Il-Partit Nazzjonalista - permezz ta' stqarrija ffirmata mid-Deputati Ivan Bartolo, David Agius u Paula Mifsud Bonnici - qal illi l-Gvern qed ikompli jixxaħħaħ mal-anzjani, iżda saħaq li t-tberbiq u l-ħela tal-flus qed ikompli ghaddej. "Hu obbligu tal-Gvern li jara li flus il-poplu jintużaw tajjeb u bi pjan serju biex l-anzjani taghna jkunu verament jistgħu jgħixu kwalità ta’ ħajja diċenti. Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jisħaq biex f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, kull min hu fil-bżonn, speċjalment l-anzjani, jingħataw dak li jixirqilhom."