‘Nagħmlulha monument!' ... 'Din x’qatt għamlet għal Malta?’ L-ILLUM dwar il-Mafkar tar-Reġina

Min irid itellagħha fuq pedistall u min jistaqsi din x’qatt għamlet għal Malta! Min irid isemmi ġnien għaliha u min irid ineħħi anke lir-Reġina Vittorja mill-Belt. X’inhuma l-argumenti favur u kontra dan il-monument għar-Reġina Eliżabetta II? Jekk isir, fejn se nagħmluh u jekk le għaliex? L-ILLUM tistaqsi 

Malli tħabbret il-mewt tar-Reġina Eliżabetta II, minnufih qamu sentimenti nostalġiċi. Ħafna faħħru lir-Reġina għall-impenn tagħha u  oħrajn fakkru kemm kienet tħobb lil Malta. Għalhekk, malajr bdiet iddur petizzjoni (li issa drajna bihom) biex isir monument f’ġieħha. Ovvjament, mill-ewwel kontroversja! 

Dawk li ma qablux qed jisħqu li ma jistgħux jifhmu għaliex qed isir dan l-għaġeb kollu, mhux biss għax ma jaqblux mal-monarkija u ma jifhmux ir-relevanza tagħha, imma anke għax għalihom ir-Reġina ma għandha x’taqsam xejn ma’ Malta u tirrappreżenta biss il-passat kolonjali. 

Propju għalhekk li l-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ diversi opinjonisti dwar dan biex tifhem aħjar l-argumenti li qed isiru favur u kontra dan il-monument. Għandu jsir? Jekk isir fejn? Imma għaliex għandna nfakkruha? Għaliex qed inżeffnu wkoll lir-Reġina Vittorja? 

Charles Xuereb
Charles Xuereb

‘Se nibqgħu daqshekk fidili? X’għamlet għal Malta? Mhux aħjar infakkru Maltin li ntesew?’ 

L-ILLUM tkellmet ma’ Charles Xuereb, storjografu li huwa wieħed mill-Maltin li ma jridx il-George Cross fuq il-bandiera Maltija u li kien għalih anke l-monument tar-Reġina Vittorja jitneħħa mill-qalba tal-Belt Valletta, għax fi kliemu dawn jissimbolizzaw biss il-passat kolonjali ta’ Malta. 

Fil-kummenti mal-ILLUM, Xuereb insista li għandu rispett kbir lejn ir-Reġina Eliżabetta II tant li jirrispetta l-luttu u ċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru fir-Renju Unit. 

“Bħala mara u kap ta’ stat għamlet ħilitha u qdiet id-dmirijiet kollha tagħha anke jekk illum il-monarkija ftit li xejn għadha tagħmel sens.” 

Fil-fatt, Xuereb saħaq li wara renju ta’ 70 sena, l-Ingliżi kellhom opportunità tad-deheb li jaqilbu l-paġna waqt li fakkar li Eliżabetta II kienet l-aħħar Reġina tal-Imperu Ingliż li ratu jisfaxxa. 

Fakkar kif Karlu III laħaq mingħajr l-ebda proċess demokratiku u l-akbar sehem, inkluż fl-Inkurunazzjoni li għad trid issir, huwa f’idejn il-Knisja Anglikana. 

“Jekk iridu Re, almenu l-Parlament għandu jkollu sehem u mhux isir sempliċiment għax huwa iben ir-Reġina li mietet. Jekk iridu lilu, jivvotaw għalih jew inkella jgħidulu li ma jriduhx u jippreferu lill-ibnu. Anke l-fatt li dan huwa l-Kap tal-Knisja Anglikana. Dan se jibqa’ hekk? Il-Kap tal-Knisja issa huwa ddivorzjat u fuqu għandu sħaba sewda, biex ma nsemmux lil dik li issa saret ir-Reġina Konsorti.” 

Dwar it-talba biex isir monument, Xuereb qal li kien qed jistenniha. “Għamilna monument lir-Reġina Vittorja li qatt ma ġiet Malta, aħseb u ara x’se ngħidu għar-Reġina Eliżabetta, li għexet Malta u ġiet diversi drabi.” 

Fi kliemu, monument ma hemmx bżonnu, anke għax Malta se tonfoq il-miljuni biex tirrestawra villa “se taqa’ biċċiet,” fejn kienet tgħix Eliżabetta u li se jkun qed ifakkar ir-rabta mal-Familja Rjali. 

“Se nonfqu €15-il miljun, fi triq dejqa, biex infakkru Reġina li kienet tikkolonizzana. Mhux aħjar fakkarna Maltin li ntesew? Biex fl-2021 xandarna l-funeral tal-Prinċep Filippu, ħadd ma sab post biex ifakkar lil Manwel Dimech li miet 100 sena qabel, fl-Eġittu, għax ġie eżiljat fi żmien l-Ingliżi. Lanqas fl-Afrika ma jagħmlu dak li jsir f’Malta u aħna moħħna li l-Ingliżi għamluna nies. Lil min għamlu nies?” 

Kien hawn li Xuereb ikkritika lil Maltin, għax fi kliemu, jieqfu biss man-nostaliġija u mhumiex kapaċi jibbilanċjaw l-argument. Qal li l-Malti dejjem iħares lejn min qiegħed fuqu, adurah u pprova jsir jixbħu. 

“Hekk għamlu fi żmien l-Ingliżi. Imma meta Mintoff ried l-Integration, l-Ingliżi ma ridux. Il-kolonizzatur ma xtaqx li nsiru daqsu. Se nibqgħu daqshekk fidili?” 

Insista li jaqbel mal-ġurnata ta’ luttu nazzjonali li ħabbar il-Gvern għal għada, anke għax fakkar li r-Reġina kienet il-Kap tal-Commonwealth. Madanakollu kkritika wkoll il-fatt li Malta qablet li anke l-Kap tal-Commonwealth ikun awtomatikament ir-Re Ingliż.  

“Hemm bżonn inbiddlu l-mod kif naħsbu! 50 sena oħra, din se tkun persuna oħra fl-istorja għalina. Wara kollox din x’qatt għamlet għal Malta? Għamlet sentejn tgħix ħawn? X’għamlet biex ittejjeb il-ħajja tal-Maltin ta’ dak iż-żmien? Tkellmet? Faħħritna ħafna iva, imma x’għamlet għalina?”  

Andrew Azzopardi
Andrew Azzopardi

‘Aħna mhux obbligati lejha! Jekk se nagħmlu monument lill-barranin, nagħmluh lil Gorbachev’ 

Il-Professur Andrew Azzopardi, preżentatur u opinjonista, insista mal-ILLUM illi li kieku r-Reġina kienet il-Kap tal-Istat Malti, kif inhi pereżempju fil-Kanada, jew fl-Awstralja, kien jifhem li jsir monument għaliha jew inkella xi forma ta’ tifkira, imma saħaq li ma jista’ qatt jaċċetta li jsir monument għal Reġina ta’ pajjiż ieħor. 

“Ir-Reġina Eliżabetta II irrappreżentat tmexxija ta’ imperu li abbuża ħafna mill-pajjiżi li kien jikkolonjalizza. Mhux ngħid li f’Malta abbużawna, imma li ġejna sfrutatti żgur. Li konna nservuhom żgur.” 

Azzopardi rrikonoxxa li l-Ingliżi f’Malta ħolqu x-xogħol, anke bit-twaqqif tat-Tarzna, is-servizz ċivili u anke tawna l-lingwa tagħhom li sservina barra minn xtutna, imma qal ukoll li baqgħu f’Malta sakemm kellhom bżonnha. 

“Li niddealizzaw mara li kienet tmexxi imperu li għamel ħafna ħsara ma jagħmilx sens.” 

Irrefera għar-restawr ta’ Villa Gwardamanġja u insista li dan diġà huwa biżżejjed, anke jekk insista li l-mużew għandu mhux biss ifakkar lir-Reġina u fejn kienet tgħix fi żmien li fih kienet tgħix Malta, imma anke jippreżenta l-istorja tal-kolonjaliżmu, it-tajjeb tiegħu u anke l-prezz li Malta kellha tħallas. 

“L-istat se jonfoq il-miljuni fuq din il-villa. Monument jonqosna! €15-il miljun aħjar użajnihom biex nagħmlu korsijiet lill-politiċi li qed jgħidu ċ-ċuċati jew inkella nużawhom għal dawk li jaslu biex jagħmlu l-operazzjoni biex ibiddlu l-ġeneru jew inkella għall-kura ta’ kundizzjonijiet oħra.” 

Fi kliemu, Malta ma hi obbligata xejn lejn ir-Reġina Eliżabetta. Fi kliemu, meta kienet Malta ma kinitx “tmur tgħin lill-Orsolini” imma kienet tgħix ħajja komda bis-servjenti jduru magħha. 

“Jekk se nagħmlu monument lil xi ħadd barrani, għandna nagħmluh lil Gorbachev. Dak ħaqqu monument mela r-Reġina.” 

Charles Flores
Charles Flores

‘Hemm lista twila ta’ Maltin minsija ... lil dawn għandna nagħmlu monument mela lir-Reġina’ 

L-eks xandar u ġurnalist Charles Flores, hu tal-fehma li minkejja li kien hemm min talab li jsir monument għar-Reġina Eliżabetta II, “il-maġġoranza assoluta” ma jaqblux ma’ dan. 

“Tant hu hekk li fin-nofs spiċċa wkoll il-monument tar-Reġina Vittorja,” insista Flores. 

Iżda l-ILLUM tfakkru li jekk isir dan, nistgħu naqbdu u nneħħu l-monument tal-Gran Mastru La Valette u nwaqqgħu l-aqwa binjiet li tawna l-Kavallieri, għax dawn ukoll kienu jaħkmuna. 

Madanakollu Flores insista li l-argument mhux qed ikun li dan il-monument jitneħħa għal kollox, imma sempliċiment jiċċaqlaq u jitpoġġa f’post ieħor inqas prominenti u mhux jibqa’ fil-qalba tal-Belt Valletta. 

“Ħadd mhu se jibki jekk isir hekk,” insista. 

Lura għat-talba biex isir monument għar-Reġina Eliżabetta II, Flores qal li r-restawr ta’ Villa Guardamangia diġà huwa monument għar-Reġina. 

“Diġà se nonfqu l-miljuni fuq din il-villa. Hemm ġnien kbir fiha. Min irid statwa tar-Reġina, jagħmilha u jpoġġiha hemm,” kompla jinsisti. 

Fi kliemu, jekk il-pajjiż irid jagħmel tifkira tar-Reġina Eliżabetta, ma għandux bżonn jagħmel statwa u monumenti kbar. Fi kliemu, hemm affarijiet oħra x’jistgħu jsiru, bħal xi lapida fil-Palazz tal-President, bid-dati meta din żaret Malta. 

Kien hawn li saħaq li hemm diversi awturi, artisti u personaġġi Maltin li mietu u baqgħu minsija. 
“Il-lista ta’ dawn il-Maltin ma tispiċċa qatt. L-ewwel infakkru lil Maltin imbagħad lill-barranin. Hemm Maltin li ħadmu għall-ilsien Malti u lil dawn qatt ma għamilnilhom monument.” 

Timothy Alden
Timothy Alden

‘Ir-Reġina hija parti importanti mill-istorja tal-pajjiż; Għandna nsemmu ġnien Hastings għaliha?’ 

L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Timothy Alden, attivist dwar il-patrimonju Malti, li jaqbel li Malta għandu jkollha monument li jfakkar lir-Reġina Eliżabetta II. Alden fakkar li r-Reġina kienet Kap tal-Istat u “hija parti importanti mill-istorja tal-pajjiż.” 

Fi kliemu, l-argument huwa kif għandha tkun imfakkra l-istorja ta’ Malta u għalhekk hija sempliċiment kwistjoni ta’ identità. 

“Il-fatt li r-Reġina baqgħet meqjusa bħala waħda mill-aktar persuni popolari f’Malta, anke wara li sirna Repubblika, tista’ tidher bħala kontradizzjoni. Imma tajjeb nifhmu minn fejn bdiet din il-kontradizzjoni,” insista Alden. 

Fakkar kif qabel l-Indipendenza, f’Malta kien hawn qasma. Min kien favur l-Ingliżi u min ried jinqata’ għal kollox minnhom. 

“Mintoff, pereżempju ried l-Integration mar-Renju Unit. Dak iż-żmien, ma kienx jara l-fatt li r-Reġina tkun il-Kap tal-Istat tagħna bħala xi ħaġa mhux patrijottika u l-manifest tal-Labour kien jgħid li l-fatt li Malta hija parti mir-Renju Unit, hija xi ħaġa kompatibbli mal-identità tagħna.” 

Li nbidel, kompla jisħaq Alden, huwa dak li kien ta’ “konvenjenza politika.”  

Insista kif wara l-Indipendenza, Gorg Borg Olivier ried jipproponi referendum biex tinżamm il-monarkija, iżda, fi kliemu, il-Maltin kienu miċħuda minn dan id-dritt. 

“Dawn iż-żewġ personaġġi huma statisti Maltin u f’perjodu differenti, it-tnejn li huma raw li l-aqwa ħaġa għal Malta kien li żżomm rabta mar-Renju Unit.” 

Kien hawn li insista li ma hemm l-ebda kontradizzjoni bejn li persuna tkun Maltija imma tapprezza r-rabta mar-Renju Unit inkluż mal-Monarkija.  

“Illum f’Malta aħna kburin ħafna bil-legat tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Inħarsu lejn żmien l-Ingliżi b’mod differenti, għax dan iż-żmien hu aktar viċin fl-istorja tagħna. Kif bdiet din il-kontradizzjoni? L-antropoloġista Olandiż Jeremy Boissevain jgħid kif il-Maltin, użaw lill-Ingliżi bħala ‘scapegoat’ għax hekk kien jaqbel politikament. Għalhekk, wara l-Indipendenza, biex stabbilixxejna l-identità nazzjonali, bdejna nħarsu lejn l-Ingliżi b’mod negattiv.”

Alden insista li jekk wieħed jirrispetta din ir-rabta storika bejn Malta u r-Renju Unit, ikun qed jippromwovi interpretazzjoni aktar miftuħa, inklussiva u pożittiva tal-identità nazzjonali “li hija taħlita ta’ kulturi differenti u l-influwenzi tagħhom, inkluż dik Ingliża.” 

Iżda l-ILLUM tfakkru li wara kollox aħna konna kolonja. Għaliex minflok inħarsu ‘l quddiem, irridu nagħmlu monument lil xi ħadd li jirrappreżenta dan il-passat? X’għamlet ir-Reġina għal Malta biex jistħoqqilha monument? 

Timothy Alden insista li l-istorja ta’ Malta mhijiex xi ħaġa li l-pajjiż għandu jistħi minnha. 

“Fi żmien l-Ingliżi ġew żviluppati fost l-aqwa affafrijiet, inkluż l-istituzzjonijiet demokratiċi u ċivili tagħna u anke l-infrastruttura.” 

Insista li r-Reġina Eliżabetta II kienet eżempju ċar ta’ kif wieħed iservi l-Kostituzzjoni, mhux biss il-liġijiet miktuba, imma anke t-tradizzjoni ta’ prinċipji u normi mhux miktuba li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra. 

“Ir-Reġina għexet il-liġi u mhux sempliċiment imxiet magħha. Hija eżempju ċar ta’ lealtà lejn xi ħaġa li hi akbar minnha. Bagħqet taqdi d-doveri tagħha sal-aħħar. Għalhekk hija simbolu importanti anke għal Malta, fil-ħidma tagħha favur gvern imparzjali li jaħdem fl-aħjar interess ta’ kulħadd u mhux għal raġunijiet partiġġjani.” 

U fejn jaħseb li għandu jsir dan il-monument? Alden insista li dan ma għandu jkun impost minn ħadd. Fi kliemu, il-monument għandu jsir għax in-nies ikunu jriduh. 

“Bħar-Renju Unit, aħna demokrazija u din hija xi ħaġa li għandu jiddeċiedi l-poplu. Kunsill Lokali partikolari, NGO jew komunità tista’ tgħin biex ikun identifikat post fejn dan ikun jista’ jsir.” 

Staqsa pereżempju jekk ġnien Hastings, li diġà huwa msemmi wara “gvernatur Ingliż maħbub” għandux jissemma għar-Reġina Eliżabetta u l-istatwa tagħha titpoġġa hemm. 

More in Politika