'Se nagħmlu minn kollox biex inħallu Malta aħjar lil uliedna' - Grech

Il-PN itella' attività quddiem il-Monument tal-Indipendenza...

Bernard Grech
Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, meta kien qed jindirizza lid-Deputati u attivisti quddiem il-Monument tal-Indipendenza, qal li l-poplu tella' wkoll lill-Oppożizzjoni u sostna li għalkemm il-Gvern irid oppożizzjoni li mhix effettiva, il-PN huwa determinat li jibqa' jaqdi dmiru ta' Oppożizzjoni. "Se ninsistu li nġibu l-bidla kull fejn hi meħtieġa, niġġieldu l-inġustizzja... se nagħmlu minn kollox biex Malta tassew tkun indipendenti u biex inħallu Malta aħjar għal uliedna."

Huwa qal li għalkemm pajjiżna ma għadux maħkum għandu ħafna problemi, fosthom il-kwalità tal-ħajja - li jfakkar illi hija l-parti ċentrali tal-messaġġ tal-PN. "Ir-ruħ soċjali tal-PN tiddistingwih mill-partiti l-oħrajn," qal Grech li sostna illi din ir-ruħ soċjali għandha tkun il-boxxla tal-partit u tal-pajjiż. Għalhekk il-Kap Nazzjonalista qal li l-pajjiż għandu bżonn pjan biex jeradika l-faqar u l-esklużjoni soċjali. 

"Pajjiżna jeħtieġ jinvesti ħafna aktar fil-mobilità soċjali," qal Grech lil dawk preżenti, filwaqt li fakkar kif anke l-imsieħba soċjali huma mħassbin dwar il-problema tal-għoli tal-ħajja. "Il-Gvern irid mill-iskużi jgħaddi għall-fatti ghax din problema li qed iħossha kulħadd," spjega Grech. 

Fakkar li l-kwalità tal-ħajja tiddependi mill-ambjent u l-ħarsien tal-ispazji miftuħa, fost oħrajn.

Grech qal li t-tberbieq tal-flus ma għandux jagħmel tajjeb għalih l-investiment fl-edukazzjoni, imma saħaq fuq il-bżonn ta' setturi ekonomiċi ġodda, sabiex b'hekk iż-żgħażagħ jibnu l-futur tagħhom f'pajjiżna stess. "Hemm bżonn niġġieldu l-illiteriżmu," qal Grech lil dawk preżenti 

Huwa qal ukoll li l-governanza tilgħab parti importanti wkoll fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti 

More in Politika