"Iż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà hija problema li għandha bżonn tiġi indirizzata," qal is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU) Josef Bugeja. Dan qalu f'konferenza tal-aħbarjiet aktar kmieni llum li fiha, l-unjin flimkien mal-NGOs Moviment Graffitti u Alleazzjoni Kontra l-Faqar varaw rapport dwar in-National Living Income.
Dan is-sit, b'referenza għall-problema li ħafna żgħażagħ li qed jaffaċċjaw minħabba l-prezzijiet dejjem jogħlew tal-proprjetà, staqsa lil Bugeja jekk fi żmien 10 snin il-koppji hux se jkollhom jirrikorru għall-kiri minflok xiri ta' proprjetà u x'għandu jsir biex din issir aktar affordabbli.
Huwa wieġeb li jekk pajjiżna jara sitwazzjoni li fiha ħadd ma jibqa' jixtri proprjetà, is-suq jirrikjedi li l-prezzijiet jonqsu.
"L-alternattiva hi li tmur għall-kera. Iżda jekk imbagħad togħla l-kera wkoll, din ukoll ma tibqax sostenibbli. U tajjeb li ngħidu li dak li jkun ma jaqbillux imur għal għażla tal-kera," qal Bugeja. Diversi rapporti jindikaw kif ix-xiri baqa' l-għażla naturali tal-Maltin. Fil-fatt 80% tal-poplu jibqa' sid ta' daru.
Huwa temm jgħid li f'dak il-każ, l-akkomodazzjoni soċjali għandha dejjem tibqa' f'idejn il-Gvern u "fejn iż-żgħażagħ ma jirnexxilhomx jixtru akkomodazzjoni affordabbli, iva l-Gvern għandu jgħinhom."