Repubblika ddiżappuntata... 'Ikonsulta mal-pubbliku qabel l-emendi jidħlu fil-Parlament'

Repubblika titlob lill-Gvern sabiex jikkonsulta mal-pubbliku qabel idaħħal l-emendi tal-liġi tal-istampa fil-Parlament jekk vera jrid ġurnaliżmu ħieles

F’reazzjoni għall-elenku ta’ riformi fil-qasam tal-ġurnaliżmu imħabbra kmieni illum mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, Repubblika saħqet li hi diżappuntata fil-Gvern.

L-għaqda qalet li Gvern tilef l-opportunità li jiftaħ għal konsultazzjoni wiesgħa riformi biex jipproteġi l-ġurnaliżmu ħieles f’Malta. 

Insistew li jekk vera il-Gvern jrid li jsaħħaħ il-ġurnaliżmu ħieles, mela m’għandux ikollu diffikultà li “l-ġurnalisti stess u l-pubbliku kollu jingħataw iċ-ċans jieħdu sehem fit-tfassil ta’ liġijiet suppost maħsuba biex jipproteġu l-interessi tagħhom.”

Reppublika sostniet illi mill-abbozz ippubblikati illum, jidher biċ-ċar illi “l-Gvern ma tax kas pariri siewja li ngħata għal riforma li tkun tassew effettiva.” Fakkret illi riformi tassew effettivi jafu jassiguraw li “f’pajjiżna ma jkollniex iċ-ċirkostanzi li ppermettew li tinqatel Daphne Caruana Galizia.”

Repubblika temmet tgħid li xorta se tibqa’ tittama illi l-Gvern hu ġenwinament miftuħ għal riformi li jilħqu l-oġġettiv li jħallu l-ġurnaliżmu jkun ħieles f’Malta u b’hekk tenniet l-appell tagħna għal konsultazzjoni miftuħa qabel dawn l-abbozzi jmorru l-Parlament.

 

More in Politika