'Il-Gvern għadu sal-lum jitratta lill-ġurnalisti bħala għadu' - Aquilina

Karol Aquilina - f'isem il-Partit Nazzjonalista - sostna illi dak li ħabbar il-Gvern fir-riforma marbuta mal-ġurnaliżmu huwa biss parti żgħira mill-ħafna rakkomondazzjonijiet li saru fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia

Id-Deputat Karol Aquilina
Id-Deputat Karol Aquilina

"Dak li ħabbar il-Ministru Jonathan Attard lbieraħ huwa biss kliem biex jipprova jagħti l-impressjoni li l-Gvern għamel xi ħaġa wara kważi ħames snin mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.  Il-Gvern għadu sal-lum jitratta lill-ġurnalisti bħala għadu u jibqa’ jfixklihom fil-qadi tad-dmirjiet tagħhom f’kull okkażjoni." Hekk sostna d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina wara r-riformi li ħabbar ilbieraħ il-Ministru Attard f'dak li jirrigwarda ġurnaliżmu u libertà tal-esprressjoni. 

Il-Gvern, fost oħrajn, se jdaħħal il-protezzjoni tal-ġurnalisti fil-Kostituzzjoni, qed jipproponi li jkun meqjus reat aggravat kull attakk fuq ġurnalist li jkun marbut mal-ħidma tal-istess ġurnalist, filwaqt li qed jillimita - għalkemm mhux jwaqqaf - is-SLAPP. 

Aquilina saħaq illi filwaqt li l-bidliet fil-liġijiet huma dejjem meħtieġa, "huwa iktar urġenti li l-Gvern Laburista jbiddel l-attitudni tiegħu fil-konfront tal-ġurnalisti u ma jibqax joħnoq il-libertà tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni."

L-Oppożizzjoni nnotat kif dawn l-abbozzi ta’ liġijiet ġew ippubblikati mingħajr ebda proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mal-ġurnalisti, mas-soċjetà ċivili u mal-pubbliku in ġenerali.

Huwa kompla jgħid li l-Oppożizzjoni ser tkun qed tifli l-abbozzi li ġew ippreżentati mill-Gvern u ser tiżgura li dawn mhux biss jitjiebu fl-aħjar interess tal-ġurnalisti iżda wkoll ser iżżomm lill-Gvern kontabbli tal-aġir tiegħu fil-ħarsien ta’ obbligi tiegħu bħala Gvern fil-konfront tal-ġurnalisti, "ewlenin fosthom il-protezzjoni tas-sorsi, is-sigurtà personali tagħhom u l-aċċess għall-informazzjoni."

Karol Aquilina nnota wkoll li l-abbozzi ta’ liġi li ressaq il-Gvern huma parti żgħira mill-ħafna rakkomondazzjonijiet li sena u nofs ilu ġew ippreżentati lill-Gvern mit-tliet Imħallfin li wettqu l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

"Għalhekk l-Oppożizzjoni tistenna li l-ġimgħa d-dieħla meta jerġa’ jibda jiltaqa’ l-Parlament, il-Gvern ipoġġi fuq nett tal-aġenda l-abbozz ta’ liġi mressaq mill-Oppożizzjoni biex jimplimenta r-rakkomanazzjonijiet tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia," temm jgħid il-Kelliem għall-Ġustizzja tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina.

 

More in Politika