L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għalaq l-istaġun tas-sajf (Ġunju-Settembru) b’2.66 miljun passiġġier, li minnhom 658,569 għaddew mill-ajruport f’Settembru. Ir-rata ta’ rkupru li ġiet irreġistrata f’Settembru ta’ 86.4% kienet simili għar-rati ta’ rkupru li ntlaħqu f’Lulju (86.3%) u f’Awwissu (86.5%).
F’Settembru, 89.5% tal-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet operati minn u lejn Malta kienu okkupati, jiġifieri żieda ta’ 3.3% fuq l-istess xahar fl-2019. Fir-rigward tal-aqwa swieq ma ġewx osservati tibdiliet kbar, hekk kif l-Italja baqgħet fil-quċċata tal-lista għas-seba’ xahar konsekuttiv, b’żieda ta’ 13.1% fin-numru ta’ passiġġieri meta mqabbel ma’ Settembru 2019. L-Italja kienet segwita mir-Renju Unit, li ġġenera 33% inqas traffiku milli kien iġġenera fl-2019.
Filwaqt li l-Ġermanja reġgħet telgħet fit-tielet post għall-ewwel darba f’sitt xhur, in-numru ta’ passiġġieri li vjaġġaw minn u lejn dan is-suq baqa’ 34.7% taħt il-livelli ta’ qabel il-pandemija. Min-naħa l-oħra, is-suq Franċiż niżel fir-raba’ post, minkejja li rreġistra żieda ta’ 29.5% fuq in-numru ta’ passiġġieri ta’ qabel il-pandemija.
Spanja, li klassifikat fil-ħames post, kompliet tirkupra aktar bil-mod, hekk kif it-traffiku minn u lejn dan is-suq baqa’ 18.3% taħt il-livelli ta’ qabel il-pandemija.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta issa nieda l-iskeda ta’ titjiriet tax-xitwa 22/23. Din l-iskeda toffri madwar 80% tal-konnessjonijiet li kienu offruti qabel il-pandemija, flimkien ma’ għadd ta’ żviluppi ġodda li mistennijin jgħinu lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jisboq it-tbassir tiegħu ta’ 5.4 miljun passiġġier sal-aħħar tas-sena, minkejja numru ta’ fatturi ekonomiċi li jista’ jkollhom impatt fuq id-domanda għall-ivvjaġġar bl-ajru.
Wieħed mill-iżviluppi li jidhru f’din l-iskeda huwa r-ritorn tal-linja tal-ajru Air Serbia b’żewġ titjiriet fil-ġimgħa. Din l-iskeda toffri wkoll sa 14-il titjira fil-ġimgħa lejn Istanbul, jiġifieri titjib kunsiderevoli fuq l-iskeda tax-xitwa 21/22 li kienet toffri biss seba’ titjiriet fil-ġimgħa.
Il-gżejjer Maltin ser ikunu qegħdin igawdu minn żewġ titjiriet fil-ġimgħa lejn Stokkolma għal darba oħra, wara li din ir-rotta, li kienet operata minn Scandinavian Airlines, kienet ġiet sospiża fl-2021. Dan l-iżvilupp huwa parti mill-isforzi tal-ajruport sabiex jisfrutta l-potenzjal ippreżentat mis-suq Skandinavu, li bħalissa huwa aċċessibbli minn Malta permezz ta’ titjiriet diretti lejn l-Isvezja u d-Danimarka.