Mil-lum tibda tingħata t-tilqima kontra l-influwenza u l-booster għall-Omicron

Dawk kollha li għandhom aktar minn 55 sena u persuni vulnerabbli qed ikunu mħeġġa jieħdu t-tilqim anke għax l-influwenza staġjonali jista' jkollha sintomi kefrin u li jistgħu jwasslu għal bżonn ta' sptar

Mil-lum, 17 ta’ Ottubru 2022, dawk kollha li għandhom 'il fuq minn 55 sena u persuni vulnerabbli jistgħu jibdew jieħdu t-tilqim kontra l-influwenza staġjonali. 

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne kien spjega li l-vaċċin tal-influwenza li se jkun offrut lill-pubbliku din is-sena jolqot direttament it-tip ta’ influwenza li mistennija tippredomina fix-xhur tax-xitwa u għaldaqstant se tkun effettiva ħafna biex ittaffi s-sintomi tal-influwenza li jafu jkunu kefrin u anke jwasslu għall-bżonn ta’ sptar.

Fil-fatt huwa kien qal li għaddejjin ukoll preparamenti fl-Isptar Mater Dei, u proġetti ta’ rinovazzjoni fl-Isptar Boffa sabiex is-sistema tas-saħħa tkun lesta għal żieda fil-pazjenti rikoverati fix-xhur xitwin. 

L-awtoritajiet tas-saħħa, din is-sena, xtraw 132,000 doża tal-vaċċin, li minnhom 17,000 huma nasal spray għat-tfal.

Mis-Sibt, 22 ta’ Ottubru 2022, se jibdew jitlaqqmu t-tfal ta’ ‘l fuq minn sitt xhur, fejn se jkun hemm sessjonijiet dedikati għalihom kull tmiem il-ġimgħa. It-tfal ta’ ‘l fuq minn sentejn jistgħu jevitaw it-tilqima u minflok jieħdu nasal spray kontra l-influwenza. 

Mit-Tnejn, 31 ta’ Ottubru 2022, il-programm ta’ vaċċinazzjoni se jinfetaħ għall-kumplament tal-popolazzjoni. 

Apparti minn hekk se jkun offrut booster tal-vaċċin kontra l-COVID immirat kontra l-varjant tal-Omicron.

Il-persuni kollha ta’ ‘l fuq minn 55 sena u persuni vulnerabbli jistgħu jirrikorru għal dan il-booster, li jista’ jittieħed fl-istess ħin mal-vaċċin kontra l-influwenza.    

It-tilqim qiegħed jingħata miċ-ċentri tas-saħħa kollha u mill-bereġ skedati.

More in Politika