L-Avukat u l-eks Segretarju Ġenerali tal-MŻPN, Emma Portelli Bonnici, tefgħet in-nominazzjoni tagħha għall-elezzjoni każwali biex jimtela' s-siġġu ta' Robert Arrigo fil-Parlament. Ilbieraħ tefa' n-nomina tiegħu wkoll is-Sindku ta' San Ġiljan, Albert Buttigieg.
Madanakollu, l-eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder ikkonferma li mhux se jkun qed jikkontesta l-elezzjoni każwali.
Huwa qal li wara r-riżultat li kiseb fl-aħħar elezzjoni ġenerali, iħoss li wasal iż-żmien li jiffoka fuq il-karriera tiegħu, speċjalment bħala Uffiċjal Kap Operattiv tal-midja tal-Partit Nazzjonalista.
Gouder awgura lil Buttigieg u lil Portelli Bonnici u saħaq li s-siġġu fil-Parlament huwa l-akbar privileġġ li l-poplu jista' jagħtik.
Intant, aktar kmieni llum, il-kandidata Nazzjonalista qalet li tefgħet in-nomina tagħha b'rispett lejn id-distrett tagħha u anke l-proċess demokratiku.
Fi kliemha, dan huwa neċessarju b'pajjiż demokratiku li jirrikonoxxi l-importanza ta' siġġu Parlamentari u jirrispetta l-proċess elettorali.
Robert Arrigo miet il-ġimgħa li għaddiet u għalhekk hemm bżonn elezzjoni każwali biex jimtela' postu fil-Parlament. L-elezzjoni każwali se ssir nhar it-28 ta' Ottubru.
Żewġ kandidati ... żewġ kontroversji
Portelli Bonnici kienet waħda mill-aktar kandidati liberali fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Hija kienet iddikjarat lilha nnifisha bħala pro-choice, anke jekk dan ma niżel tajjeb xejn mal-fazzjoni konservattiva fi ħdan il-Partit Nazzjonalista.
Anke l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kien skjett fi kliemu u kien qal li mhu se jħalli lill-ħadd fil-Partit li jkun favur l-abort.
Intant, anke Albert Buttigieg kien fil-qalba ta' kontroversja ftit tax-xhur ilu meta qal allega li uffiċjal tal-PN ltaqa' ma kuntrattur ewlieni b'interess kbir f'San Ġiljan bil-għan li "jgħalqulu ħalqu."
Il-PN kien qal li ma jistax jinvestiga l-allegazzjonijiet li qed jagħmel Buttigieg, jekk dan ma jsemmix b'ismu dan l-uffiċjal li hu kien qiegħed jakkuża. Intant is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino kien qal li tkellem ma' Buttigieg u talbu jagħti aktar dettalji biex il-PN ikun jista' jieħu passi.