'L-aħwa Degiorgio lili ma semmewnix' - Carmelo Abela

L-eks Ministru jisħaq li lilu l-aħwa Degiorgio qatt ma kienu semmewh, meta implikaw żewġ Ministri Laburisti fl-attentat hold up tal-HSBC tal-2010

L-eks Ministru Carmelo Abela qal quddiem il-Qorti llum illi ma kienx jaf illi l-aħwa Degiorgio kienu semmewh f'ittra li kitbu lill-Kummissarju tal-Ġustizzja Ewropew liema ittra fiha indikaw u implikaw żewġ politiċi fl-attentat ta' hold up tal-HSBC fl-2010. Dan qalu waqt li kien qed jixhed fil-proċeduri ta' libell li hu stess fetaħ kontra l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, li kien kiteb status illi fih - mingħajr ma semmieh direttament - implika li seta' kien Abela illi kien imdaħħal f'dan l-attentat ta' serqa. L-eks Ministru Abela kien impjegat tal-HSBC meta kien seħħ dan l-attentat. 

"Ma nafx li semmewni imma naf li kienu bagħtu ittra lill-Kummissarju Reynders," qal Abela, bl-avukat ta' Jason Azzopardi Joseph Zammit Maempel jirrimarka li l-informazzjoni kienet kollha fuq il-gazzetti. 

"Il-gazzetti il-ħin kollu jsemmuni u mhux għal raġunijiet tajbin," wieġeb Abela, bl-avukat tiegħu Pawlu Lia jintervjeni u jgħid li wieħed ma għandux jemmen dak kollu li jaqra fuq il-gazzetti. 

L-avukat ta' Azzopardi staqsa speċifikament jekk qarax it-Times, b'Carmelo Abela jgħid li hu jipprova jaqra dak kollu li jingħad dwaru. 

Mistoqsi jekk ittieħdux passi neċessarji, Abela fakkar biss li huwa fetaħ il-libell kontra Jason Azzopardi u fuq dak li dan kien qal, li jerġa' jsejjaħlu "kollu gideb."

Abela saħaq illi l-aħwa Degiorgio qatt ma kitbu dwaru, bid-Difiża iżda tgħid li dan huwa l-każ  u tistaqsi jekk Abela ċċekkjax l-affarijiet mal-Kummissjoni Ewropea. 

L-eks Ministru Abela wieġeb li hu ma għandu bżonn jiċċekkja xejn mal-Kummissjoni, filwaqt li insista li l-passi ħadhom kontra Azzopardi. 

Għalhekk Maempel qal li se jiproduċi id-dokumenti rilevanti fis-seduta li jmiss u jagħmel aktar mostoqsijiet lil Carmelo Abela.

Il-Maġistrat Rachel Montebello ppresediet fuq il-każ. 

More in Politika