‘Qed niddiżappuntaw mhux biss lin-Nazzjonalisti imma lill-pajjiż’
Il-Partit Nazzjonalista meta se joħroġ mill-morsa li daħal fiha? Meta se jerġa’ jkun rebbieħ? Kif se jwassal il-messaġġ tiegħu? X’qed jistenna mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali? X’se jagħmel bil-każini? X’bidliet se naraw? Il-Viċi Kap Nazzjonalista Alex Perici Calascione jwieġeb
minn Yendrick Cioffi
Alex Perici Calascione ilu issa tliet xhur Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista wara elezzjoni li għaliha ma kkontesta ħadd ħlief hu. Ikkontesta minkejja d-disfatta elettorali kbira li ġarrab il-PN f’Marzu li għadda u minkejja li kien jaf x’inhuma l-isfidi li qed jiffaċċja, għax ilu involut fl-ogħla strutturi tal-partit.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Viċi Kap dwar is-sitwazzjoni li l-PN donnu ma jistax joħroġ minnha u tistaqsih l-ewwel u qabel kollox jekk jaħsibx li l-fatt li ħadd ma kkontestah (wara li lanqas ħadd ma kkontesta lil Bernard Grech) jagħtix l-impressjoni li hemm apatija u nuqqas ta’ entużjażmu. Possibbli ma kien hemm ħadd iżgħar, b’ideat innovattivi li seta’ joħroġ għonqu għall-PN?
Perici Calascione qal li din ma kinitx l-ewwel elezzjoni li saret f’partit politiku fejn għal kariga kien hemm kandidat wieħed. Insista li f’każi bħal dawn, wieħed għandu jħares lejn l-appoġġ li l-kandidat ikun ġab.
“Kieku ħriġt waħdi u ġibt eżatt biex ngħaddi jew ma tlajtx, kont ninkwieta. Sodisfatt li ġibt ‘il fuq minn 90% tal-voti,” Saħaq li dan ifisser li l-kunsilliera tal-PN, anke jekk forsi ma jaqblux fuq kollox, raw fih soluzzjoni.
Qal li l-proċess ta’ tiġdid, isir fejn isir, imma b’mod partikolari f’partit politiku għandu jkun proċess kontinwu.
“Min hu ġdid isib fejn jimraħ u jsib ukoll min jista’ jiggwidah. Naħseb li l-PN għamel dan it-tiġdid. Jekk tħares lejn il-Grupp Parlamentari tinduna li hemm minnhom li saħansitra għadhom qed jistudjaw u allura dawn l-ideat friski qed jgħaqduhom ma’ dawk li l-ideat tagħhom huma frott l-esperjenza. Dan iwassal biex il-PN joħroġ bi strateġija u proposti li huma tajbin.”
Kompla jgħid li bħala Viċi Kap, huwa jrid ikun kapaċi jirrelata mal-etajiet, l-ideat li joħorġu minn dawn l-etajiet u anke l-esperjenzi ta’ kulħadd.
Imma l-PN kemm se jdum jiltaqa’ u jiddiskuti? Meta se jidher il-frott?
Imma fejn kien Perici Calascione f’dawn it-tliet xhur? X’differenza għamel? Qed jikkonvinċi? Għaqqad?
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li kienet deċiżjoni tiegħu li “jieħu pass lura.” Fakkar li hu ilu fil-Partit u ħadem f’ħafna mill-istrutturi tiegħu imma f’dawn ix-xhur ma riedx ikun marbut ma’ dak li jaf hu imma xtaq jisma’ u jiskopri.
“Meta tokkupa rwol differenti, in-nies jirrelataw miegħek b’mod differenti. Biex ma nkunx marbut ma’ dak li jiena kont naħseb, xtaqt nagħmel pass lura. Qed niltaqa’ mal-membri tal-Grupp Parlamentari, qed niltaqa’ mal-fergħat tal-Partit u anke mal-Kumitati Sezzjonali. Dan apparti laqgħat ma’ diversi nies li jkunu jridu jkellmuni,” insista Perici Calascione.
L-ILLUM tfakkar lil Perici Calascione li dan il-proċess ilu għaddej. Tiġi elezzjoni, jitlifha u jerġa’ jgħid li ħa jibda jiltaqa’ u jisma’. Meta se jibda jidher il-frott ta’ dawn id-diskussjonijiet?
Qal li ħaġa li skopra f’dawn ix-xhur huma l-kwalitajiet u l-kapaċitajiet ta’ nies li huma madwar il-Partit Nazzjonalista, inkluż ta’ membri fil-fergħat.
“Jiena determinat ħafna li nagħtihom l-ispazji kollha biex jimirħu. F’kull fergħa rajt entużjażmu u ideat studjati. Kelli laqgħa mal-APAN, l-Assoċjazzjoni tal-pensjonanti tal-PN. Għidt li se jkolli laqgħa mal-aktar nies leali u allura ma ppretendejtx li se tkun impenjattiva. Imma kienet l-aktar laqgħa impenjattiva. Sfidawni bil-mistoqsijiet u l-ideat studjati tagħhom. Domna xi tliet sigħat.”
‘Hemm retorika li qed issir b’intelliġenza ... qed nirriskjaw li naqgħu għaliha’
L-ILLUM terġa’ twaqqfu u tisħaq miegħu li hemm barra l-perċezzjoni hija kompletament differenti. Fil-PN mhux jidher entużjażmu anzi aktar qed jidher li hemm apatija kbira fil-livelli kollha tiegħu tant li bosta Nazzjonalista qatgħu qalbhom li jerġgħu jaraw lill-PN fil-Gvern.
“Bla dubju din hija riżultat ta’ dak li wieħed iħoss wara numru ta’ disfatti elettorali, aktar u aktar jekk partit ikun dera jkun fil-Gvern,” qal Perici Calascione iżda wissa wkoll dwar is-saħħa tal-midja soċjali llum. “Xi drabi jingħata messaġġ, dan jinfirex u inti tibda tirrepetih mingħajr ma tkun taf minn fejn ħareġ.”
Qal li mhux jgħid hekk biex innaqqas minn dak li qed iħossu ħafna Nazzjonalisti u anke ħafna votanti għax, fi kliemu, anke min jappoġġja lill-Partit Laburista qed jistaqsi jekk dan hux qed ikun verament leali lejn il-prinċipji tiegħu.
Aħna kollha qed naħdmu biex niksbu l-aħjar riżultat possibbli. Fadal aktar minn sena. Biex tiksbu trid tibda titfa’ l-ingredjenti u ingredjent importanti huwa li jkollna kandidatura valida. Dan huwa x-xogħol immedjat Alex Perici Calascione
“Allura qed niddiżappuntaw mhux biss lin-Nazzjonalisti imma lill-pajjiż. Jiena ninkwieta li l-PN ma jkunx f’pożizzjoni li jerfa’ r-responsabbilità lejn il-pajjiż. Iva hawn dan is-sentinemt għax forsi l-PN għadda minn ċertu realtajiet li bosta qatt ma bassru li se jgħaddi minnhom, imma nemmen li hemm ċertu retorika li qed tkun magħmula bi skola u intelliġenza u qed nirriskjaw li naqgħu għaliha jekk ma nkunux attenti,” qal Perici Calascione.
‘Fost il-poplu hemm diżżilużjoni biż-żewġ partiti’
Iżda hawn l-ILLUM tinsisti miegħu li tant kemm hu minnu dan is-sentiment li għal bosta, il-Partit Nazzjonalista ma jistax jirbaħ elezzjoni. Dan qed iwassal biex kważi kważi jsir irrelevanti tant li n-nies lanqas jagħtu kas ta’ dak li qed jgħid u jipproponi anke jekk ikun jagħmel sens. Illum, il-Partit Nazzjonalista x’inhu?
Perici Calascione saħaq li l-PN mhuwiex iżolat u huwa parti minn soċjetà li fl-aħħar snin inbidlet kompletament. Fi kliemu, l-istess domanda tista’ ssir lil kull partit ieħor, inkluż lill-Partit Laburista u lis-soċjetà kollha kemm hi.
“Illum il-Partit Laburista għadu l-partit tal-ħaddiema?,” staqsa l-Viċi Kap Nazzjonalista waqt li rrefera għall-kummenti ta’ Desmond Zammit Marmara.
Irrefera wkoll għall-aħħar sondaġġi politiċi. Fi kliemu, is-sitwazzjoni tal-Partit Nazzjonalista hija dik li hi imma saħaq li hemm realtà oħra li qed juru l-istess sondaġġi.
“Fl-Elezzjoni Ġenerali kien hemm messaġġ wieħed li ngħata. 50,000 irrifjutaw li jivvotaw lill-partit fil-Gvern, minkejja dak kollu li pprova jagħmel sal-aħħar ġurnata. Ma għamlux il-qabża li normalment jagħmlu. Lilna ma rawnix bħala alternattiva valida. L-istess sondaġġi qed juru li madwar 20% vvotaw lill-PL u llum qed jgħidu li ma jagħmlux l-istess.”
Saħaq li dan kollu juri li fost il-poplu hemm diżżilużjoni biż-żewġ partiti. Hawn ta’ min isemmi s-sondaġġ ippubblikat minn din l-istess gazzetta li juri li 56% tal-Maltin jemmnu li hemm bżonn ta’ partit ġdid.
‘Partit jirbaħ jekk in-nies jemmnu li kapaċi jirbaħ’
L-ILLUM tisħaq ma’ Perici Calascione li kwalunkwe partit jimmira li jkun fil-Gvern. Ma jinkwetahx il-fatt li l-votanti mhux iħarsu lejn il-PN bħala gvern alternattiv?
Irrkonoxxa li dan il-fatt jinkwetah anke għax jaf li fil-PN hemm nies kompetenti.
“Xhieda ta’ dan huwa l-programm elettorali li ħriġna. Kien programm eċċellenti u għandi dubji serji minn qrah u din hija ħasra,” kompla jisħaq, bl-ILLUM tfakkru li dan sar għax ftit kienu dawk li verament emmnu li l-PN jista’ jirbaħ.
Irrikonoxxa li apparti l-kompetenza u l-kredibbilità, biex partit jirbaħ, in-nies iridu jemmnu li kapaċi jirbaħ elezzjoni. Fi kliemu, din hija l-isfida li għandu l-Partit Nazzjonalista quddiemu.
“Din il-perċezzjoni ilha hekk. Propju għalhekk li xogħli hu li nħares lejha b’lenti differenti minn kif ħarisna lejha issa. Fl-2008 in-nies tawna l-ewwel indikazzjoni ċara. Minn hemm irridu nħarsu. Jekk is-sitwazzjoni bdiet minn hemm u jekk il-mod kif affrontajniha ma tax ir-riżultati mixtieqna, xogħolna hu li nħarsu lejn din l-isfida b’atteġġjament ġdid.”
Fi kliemu, ħafna minn dan ix-xogħol sar għax l-istrutturi tal-partit iġġeddu u fl-ogħla karigi tal-partit hemm nies ġodda u żgħażagħ.
‘Il-PN jibqa’ dak li jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru tal-politika’
Iżda l-ILLUM tirreferi għall-attivitajiet tal-Indipendenza u anke l-Protesta li organizza fil-Belt. Tajjeb ikollok demm ġdid fl-istrutturi imma mbagħad għal dawn iż-żewġ attivitajiet ftit li xejn attendew żgħażagħ. Għaliex il-PN mhux jattira ż-żgħażagħ?
“Din hija sfida ta’ dejjem imma jekk illum għadhomx jagħmlu sens il-mass meetings, jiena għandi dubju,” qal Perici Calascione.
Fi kliemu, l-ewwel irid jitkellem maż-żagħżagħ u jifimhom biex ikun kapaċi jitkellem għalihom u l-istess irid jagħmel ma’ oqsma u gruppi oħra fis-soċjetà.
“Iż-żmien jinbidel imma l-għan ewlieni tal-Partit Nazzjonalista jibqa’ wieħed, jiġifieri li jpoġġi l-iżvilupp totali tal-persuna fiċ-ċentru tal-politika ... Huwa abbażi ta’ din li mbagħad inti tfassal l-edukazzjoni jew inkella taħdem biex tattira impjiegi ta’ kwalità,” insista Perici Calascione.
‘Irridu l-aħjar riżultat ... irid ikollna l-aqwa kandidatura’
L-ewwel test elettorali għal din it-tmexxija tal-PN fadallu biss sena u ftit xhur. Lejn xiex qed jimmira l-PN? Irid jirbaħ it-tielet siġġu? Irid inaqqas id-distakk? Irid jirbaħ? Xi jkun riżultat sodisfaċenti?
Il-Viċi Kap Nazzjonalista ddeskriva din l-elezzjoni bħala test elettorali importanti għax il-Maltin se jivvotaw għall-Kunsilli Lokali kollha u allura kważi kważi ġejja elezzjoni ġenerali oħra.
“Bdejna naħsbu minn issa imma jiena mhux bniedem li nħobb nintrabat bil-miżuri minn qabel. Irridu nagħmlu l-almu tagħna u qed naħdmu biex niksbu l-aħjar riżultat possibbli,” insista.
Mistoqsi għal aktar minn darba biex jispeċifika xi jrid ifisser meta jgħid l-aħjar riżultat possibbli, Perici Calascione baqa’ ma ntrabatx. Insista biss li jrid jattira l-aqwa kandidatura possibbli.
“Aħna kollha qed naħdmu biex niksbu l-aħjar riżultat possibbli. Fadal aktar minn sena. Biex tiksbu trid tibda titfa’ l-ingredjenti u ingredjent importanti huwa li jkollna kandidatura valida. Dan huwa x-xogħol immedjat.”
‘Jekk se nibqgħu nħarsu ‘l ġewwa se nonqsu lill-pajjiż’
Fi kliemu, dan huwa dak li l-pajjiż qed jistenna mill-Partit Nazzjonalista u jkun qed jonqos jekk ma jagħmilx dan. Insista li aktar mal-partit jibqa’ jħares ‘il ġewwa, aktar se jkun qed jonqos lejn ir-responsabbilità li għandu lejn il-pajjiż.
“Hemm dimensjoni li hija akbar minna. Aħna rridu nkunu biex dan il-pajjiż nagħtuh dak li jidhrilna li hu l-aħjar għalih,” insista.
Lilhinn mir-realtà tal-partit, huwa fakkar li l-Maltin se jivvotaw għall-Kunsilli Lokali meta fi kliemu, il-Gvern ħadilhom il-poter kollu u ġabhom sempliċi “customer care.”
‘Metsola hija parti mill-PN ... ejja nsemmu dak li hu tajjeb’
L-ILLUM tfakkru li Roberta Metsola, li ovvjament se tkun fuq il-lista tal-PN, taf tattira numru ta’ votanti li lesti jivvotaw lilha imma mbagħad għadhom mhux lesti li jivvotaw lill-PN biex jiggverna. Dan jista’ jagħti tama falza lill-PN?
Il-Viċi Kap Nazzjonalista insista li Robert Metsola għamlet isem mhux biss għaliha nnifisha imma anke għall-Partit Nazzjonalista għax hija parti minnu.
“Bħalma nsemmu dak li mhux sejjer tajjeb, irridu nsemmu dan ukoll,” insista l-Viċi Kap. “Jiena kburi bir-rappreżentanza kollha li l-PN kellu fil-Parlament Ewropew.”
‘Irridu nwasslu l-messaġġ aħjar ... imma ma rridx inkun f’partit li jqarraq bin-nies’
Biex jagħmel kampanja elettorali, il-Partit Nazzjonalista jrid il-flus. Għandu?
Perici Calascione insista li l-flus huma dejjem sfida u l-votanti jippretendu li mhux biss jingħadda l-messaġġ, imma dan isir bl-aqwa mod possibbli. FI kliemu, il-PN qed iwassal il-messaġġ tiegħu b’dak li jista’ jagħmel.
“Ir-responsabbilità titlob li aħna nużaw il-finanzi bl-aħjar mod. Hekk għamilna fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali. Ridna nagħtu s-sustanza. Nifhem imma li llum l-immaġini hija kollox u l-mod kif tippreżenta l-messaġġ huwa importanti.”
Hawn l-ILLUM tagħmel referenza għar-replika tal-Baġit tal-Kap tal-Oppożizzjoni, fejn Bernard Grech għal aktar minn darba ġibed saqajn il-Gvern u qal li jinżalu l-kappell għal mod kif jirreklama xogħlu. Minflok jikkritika, mhux aħjar jitgħallem kif il-PN għandu jwassal aħjar il-messaġġ tiegħu? L-ILLUM tfakkar lill-Viċi Kap fl-attività fqira tal-Indipendenza. Ma setax jorganizza xi ħaġa li biha jattira l-familji milli attività tradizzjonali bħas-soltu bi tliet diskorsi.
“Jiena naqbel 100% li rridu naħsbu aktar barra mill-kaxxa. Imma ma rridx inqarraq bin-nies. Jekk tara l-PR u l-mijiet ta’ eluf ta’ ewro li nefaq il-Gvern biex jippreżenta l-proġett tal-metro kien inkredibbli u jġiegħlek temmen. Imma jiena ma rridx inkun f’partit li nagħmel xi ħaġa bħal din, meta nkunx naf li mhux se ssir. Qed tuża l-midja soċjali biex tqarraq bin-nies. Dan huwa livell ta’ arroganza kbira u qed titratta n-nies ta’ injoranti u qed tuża flushom.”
Fi kliemu huwa jemmen f’messaġġ aktar konċiż u ppreżentat aħjar. Qal li flok dokument ta’ 100 paġna jemmen aktar f’ħames punti ppreżentati tajbin.
‘Brand PN? Work in progress’
Meta ġie elett Kap, Bernard Grech wera x-xewqa li jkun hemm bidla ‘fil-brand PN.’ X’qed isir? X’se jsir? X’bidliet se naraw?
Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li ma jistax jiżvela wisq imma insista “it is work in progress.” Mistoqsi jispeċifika jew jagħti eżempju konkret ta’ dan x’se jfisser, huwa ma weġibx. Qal biss li l-parir tiegħu kien li jekk xi ħadd se jkun inkarigat biex jagħmel dan, irid jingħata l-libertà kollha. Insista li hu marbut biss mal-messaġġ tal-PN.
‘Qed jersqu nies interessati li jikru / jixtru l-każini’
Grech kien saħaq ukoll li l-PN irid iħares ukoll lejn il-kummerċjalizzazzjoni tal-każini. Għadu jagħmel sens li l-PN ikollu każin, kważi kważi vojt, f’kull lokalità? Dawn mhux assi moħlija. Fiex wasal dan il-proċess?
Perici Calascione fakkar li l-każini tal-Partit Nazzjonalista huma kollha tiegħu u fi kliemu dan huwa vantaġġ li l-partit irid jisfrutta filwaqt li jżomm dejjem l-element politiku.
Fakkar kif uħud mill-każini jinsabu fiċ-ċentru tal-lokalitajiet u huma ideali għall-kummerċjalizzazzjoni filwaqt li jinżamm spazju fejn il-kumitati sezzjonali jkunu jistgħu jiltaqgħu. Semma pereżempju l-każin tal-Mellieħa.
“Dan beda jsir. Hemm tim apposta u jiġu numru ta’ nies ‘il quddiem. Diġà bdew it-trattativi dwar ċertu każini.”
Dwar jekk għadux jagħmel sens li jkun hemm każin f’kull lokalità, Perici Calascione jemmen li l-politika miexja aktar lejn livell distrettwali. Semma li hemm ċertu kumitati sezzjonali li huma stess qed iressqu ‘l quddien nies li huma lesti jikru jew jixtru xi każini, anke għax il-Kumitat ma għandux il-mezzi biex jagħmel xogħlijiet li hemm bżonn.
“Trid tevalwa u tqis kollox, iżżomm il-kuntest politiku imma fejn hemm deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu, iridu jittieħdu.”
Fl-aħħarnett l-ILLUM tistaqsih jekk jaħsibx li l-Partit Nazzjonalista spiċċa żmienu għax anke s-sondaġġi qed juru li n-nies jemmnu li hemm bżonn partit ġdid, l-aktar in-Nazzjonalisti.
“Ma kull ġurnata, b’dak kollu li naraw jiżvolġi f’pajjiżna, jiena nsir aktar determinat li l-Partit Nazzjonalista għad hemm bżonnu u għandna r-responsabbilità li narawh jissaħħaħ,” temm jgħid il-Viċi Kap.