Uffiċjali tad-Dwana fil-Freeport interċettaw aktar karozzi misruqa mill-Kanada. Fl-aħħar sigħat, id-Dwana sabet 19-il vettura oħra li kienu moħbija f'għaxar kontejners fi triqithom lejn Dubaj.
Il-karozzi li ġew inteċettati bis-saħħa tal-iskenjar tal-kontejners huma:
Sitt Range rover sport; Toyota highlander; żewġ Lexus RX350; Nissan; Lexus 350; Toyota RAV4; Dodge; erba' Range rover u żewġ Dodge ram vans.
Sal-lum, 43 kontejner, b'total ta' 78 karozza misruqa mill-Kanada kienu misjuba mid-Dwana Maltija.
Bl-għajnuna tad-Dwana Maltija, il-Pulizija Kanadiża ressqet disa' persuni li huma suspettati b'rabta ma' dan iċ-ċirku kriminali.
Apparti minn hekk, wara ħidma konġunta bejn awtoritajiet Maltin u barranin, l-ewwel grupp ta' karozzi misruqa ġew mibgħuta lura l-Kanada. B'kollox intbagħtu lura 59 vettura fi 33 kontejner.