Pemrezz ta' avviż legali il-Gvern reġa' daħħal miżura restrittiva marbuta mal-ivvjaġġar u l-Covid-19 biex b'hekk kwalunkwe persuna li tkun ġejja Malta miċ-Ċina irid ikollha fil-pussess tagħha ċertifikat negattiv tal-Covid tat-tip Rapid Antigen Test, li jkun sar mhux aktar minn 48 siegħa qabel il-persuna tkun waslet Malta.
Dan mhux se jkun jgħodd għal tfal ta' 11-il sena jew inqas.
Din il-miżura tiġi wara laqgħa tal-esperti ewropej li inkoraġixxew b'mod b'saħħtu li pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jieħdu dan il-pass u jesiġu testijiet tal-Covid mingħand dawk ġejjin miċ-Ċina.
In-numri ta' każi tal-Covid fiċ-Ċina - minn fejn kienet oriġinat il-pandemija inizzjalment - wasslet għal biża' ta' varjanti ġodda tal-virus li jistgħu jwasslu biex il-Covid-19 tinfirex aktar malajr.
Matul il-jum tal-bieraħ fiċ-Ċina kien hemm total ta' 9.548 każ ġdid, l-ogħla numru ta' każi f'xhur sħaħ.