'Il-bidliet qed iħallu r-riżultati'
Wasteserv tgħid li żdied l-iskart organiku miġbur u naqas dak imħallat f'indikazzjoni li l-iskeda l-ġdida ta' ġbir tal-iskart qed tindara
More in Politika
Wasteserv tgħid li żdied l-iskart organiku miġbur u naqas dak imħallat f'indikazzjoni li l-iskeda l-ġdida ta' ġbir tal-iskart qed tindara
"Minkejja li għadna fi stadju tranżizzjonali Wasteserv tinnota li l-maġġoranza tal-popolazzjoni diġà drat l-iskeda l-ġdida u li r-riżultati inizzjali qed juru illi l-bidliet fl-iskeda, iż-żieda fil-ġbir tal-iskart organiku u anke l-vjaġġi ta' ġbir tal-iskart li qed isiru fuq livell reġjonali, qed iħallu r-riżultati mixtieqa."
Hekk sostniet il-kumpanija Wasteserv mal-ILLUM b'ċifri mogħtija minnha juru illi fl-ewwel ġimgħa tal-2023, u allura l-ewwel ġimgħa tal-iskeda, inġabru 502 tunnellati ta' skart organiku, li huwa żieda ta' 17% meta mqabbel mal-istess ġimgħa s-sena ta' qabel. Minn naħa l-oħra, meta mqabbel mal-ewwel ġimgħa tal-2022, kien hemm tnaqqis ta' 12% fl-ammont ta' skart imħallat li nġabar (tal-borża s-sewda): Minn 2,190 tunnellata għal 1,950 tunnellata. Dan huwa tnaqqis ta' 240 tunnellata.
Minkejja li din il-gazzetta staqsiet dwar skart riċiklabbli - li issa qed jinġabar darba fil-ġimgħa minflok darbtejn - Wasteserv qalet li ma tistax tqabbel hekk kif bl-introduzzjoni tal-magni tal-BCRS u oħrajn simili madwar il-pajjiż ħafna mill-fliexken tal-plastik issa ma għadhomx qed jintefgħu fil-boroż il-griżi.
Filwaqt li sostniet mal-ILLUM li għadu kmieni biex wieħed ikollu l-istampa kollha u jistabilixxi xejriet ċari, Wasteserv qalet ukoll li se tkompli għaddejja bil-kampanja sabiex iżżid l-għarfien dwar din l-iskeda. Fil-fatt fl-aħħar jiem deheru diversi uffiċjali tal-ERA jwaħħlu tikketti mal-boroż taż-żibel biex jindikaw li inħarġu fil-ġurnata l-ħażina u li jfakkru wkoll f'multa ta' €150 għal min jinqabad jagħmel dan.
Finalment Wasteserv fakkret li l-fatt li issa li l-ġbir tal-iskart qed jaqa' taħt il-Kunsill Reġjonali qed jaqta' numru ta' ineffiċjenzi li seta' kien hemm, bħal per eżempju meta triq partikolari tkun f'żewġ lokalitajiet differenti u allura l-ġbir ta' triq partikolari jsir separatament.