Sa issa diġà inġabru 10,041 oġġezzjoni kontra żvilupp propost fuq Kemmuna li jara lukanda testendi u l-bini ta' numru ta' vilel madwar il-bajja ta' Santa Marija. Dan minkejja li Kemmuna hija meqjusa bħala Żona ta' Konservazzjoni Rurali u fil-fatt hija Riserva Naturali, apparti li hija wkoll żona ta' protezzjonai speċjali u sit Natura 2000.
Huma diversi l-għaqdiet li qed jopponu dan l-iżvilupp, fuq quddiem il-Moviment Graffitti, hekk kif qed jisħqu li dan se jiftaħ il-bibien biex anke Kemmuna timtela' bl-iżvilupp, sentiment li fil-fatt kien espress mill-eks Ministru u eks Deputat Evarist Bartolo.
Il-proposta tikkonsisti minn żvilupp tal-Comino Hotel u l-kostruzzjoni ta' villaġġ ta' bungalows. Il-lukanda se jkollha 71 kamra, se jkun hemm ristoranti u barijiet, filwaqt li huma proposti 21 bungalow minflok dawk kurrenti, flimkien ukoll ma' ħanut tal-merċa. Il-bungalows se jkunu għall-bejgħ u s-sidien tal-bungalows jistgħu jagħmlu użu wkoll mil-lukanda.
Numru ta' għaqdiet qegħdin jappellaw lill-pubbliku biex joġġezzjona għall-iżvilupp "mostruż ta’ villaġġ” fuq Kemmuna. L-għaqdiet ambjentali qed iħeġġu lill-pubbliku biex jopponi l-pjanijiet tal-iżviluppaturi biex jinħoloq kumpless ta’ vilel fil-gżira ta’ Kemmuna bħala parti mill-pjanijiet proposti għall-lukanda l-ġdida mressqa minn Hili Group.
L-għaqdiet li qed jippreżentaw l-oġġezzjoni huma BirdLife Malta, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Moviment Graffitti, Nature Trust Malta - FEE, u Ramblers’ Association Malta.
Dawk li jixtiequ joġġezzjonaw jistgħu jagħfsu: Hawn.