Bħalissa, fil-Ghana, qed titmexxa delegazzjoni kummerċjali ta’ 50 negozjant Malti minn Trade Malta sabiex ikunu esplorati aktar opportunitajiet ta’ negozji ma’ dan il-pajjiż Afrikan.
Waqt li kien qed jindirizza lin-negozjanti minn pajjiżna u n-negozjanti tal-Ghana, bħala parti mit-tielet Forum tan-Negozji ta’ Malta u l-Ghana, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg sostna li din hija opportunità importanti ferm sabiex inkomplu naraw lill-Maltin u l-Għawdxin jespandu barra minn xtutna.
Huwa sostna li għaddew madwar tliet snin mill-aħħar darba li dan il-forum tlaqqa’ minħabba l-pandemija u li issa reġa’ wasal iż-żmien sabiex iħarsu b’ottimiżmu lejn il-futur tar-relazzjonijiet bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi, b’mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar l-opportunitajiet ta’ tkabbir u żvilupp taħt iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles tal-Kontinent Afrikan u sostna li din hija ċ-ċavetta biex tiżdied il-kollaborazzjoni. Huwa kompla jgħid kif fl-irwol tiegħu ta’ Ministru għall-Kummerċ f’diskussjonijiet li jkollu ma’ bosta negozjanti sostna li l-Maltin iħarsu lejn dan il-pajjiż li għandu ambjent dinamiku fejn jidħol in-negozju u b’hekk huwa ideali biex jinħolqu kollaborazzjonijiet bejn imsieħba internazzjonali.
Waqt li kien qed jintroduċi lin-negozjanti Maltin, Borg sostna li d-delegazzjoni kummerċjali hija magħmula minn negozji fl-industriji tal-ICT, id-diġitalizzazzjoni, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-inġinerija u l-kostruzzjoni, il-manifattura u anke ż-żejt u l-gass. Huwa kompla jgħid kif jinsab onorat li ppresjeda fuq numru ta’ ftehimiet bejn kumpaniji Maltin u dawk mill-Ghana.
Huwa kkonkluda billi qal li l-Gvern Malti se jkun qed jibqa’ jagħti l-appoġġ neċessarju kollu sabiex jara aktar stejjer ta’ suċċess ta’ espansjonijiet ta’ negozji Maltin u Għawdxin.