Fl-2022, l-industrija tal-films f’Malta ħalliet €85 miljun fl-ekonomija Maltija. "Dan l-effett ekonomiku tas-sena preċedenti huwa l-akbar wieħed f’dawn l-aħħar għaxar snin u ddarfu fil-ġbid ta’ 24 produzzjoni li kienu jinvolvu feature films, tv series u reality shows ġejjin mill-Amerika, ir-Renju Unit, l-Italja, Franza, l-Iżvezja, l-Awstrija, in-Norveġja, il-Ġermanja kif ukoll l-Eġittu." Hekk sostna l-Kummissarju għall-Films Johann Grech waqt konferenza mal-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo. .
Huma qalu li din is-sena, l-impenn tal-gvern, flimkien mal-Kummissjoni Maltija għall-Films, ser jikber tant li ser jiġi rfinat ir-reklamar li diġà qiegħda tagħmel l-istess Kummissjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ 'Screen Malta'. 'Screen Malta' ser ikun mezz ieħor ta’ marketing li ser tkun qiegħda tagħmel il-Kummissjoni Maltija għall-Films meta tkun qiegħda tirreklama lil pajjiżna fid-dinja tal-films.
Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka li ċ-ċifri msemmija joħorġu fid-deher il-potenzjal li għandha l-industrija tal-films. “Tabilħaqq, l-industrija tal-films kienet vaċċin ekonomiku li saħħet l-immunità ta’ pajjiżna f’perjodu li fih kien qiegħed jirkupra mill-effetti u sfidi li ġabet magħha l-pandemija,” kompla jgħid il-Ministru Bartolo. Huwa wkoll esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal mod kif minn settur staġjonali llum qegħdin inwittu t-triq għal industrija tal-films li tkun mibnija fuq is-sostenibilità u karrieri ġodda.
Il-Kummissarju għall-Films Johann Grech kompla qal illi x-xogħol tal-Kummissjoni qed jissarraf f’riżultati u se jkompli jwassal għal aktar suċċessi fil-kundizzjonijiet u l-pagi tal-crew lokali. “Il-pjan tagħna qed jaħdem u nafu fejn irridu naslu u fi żmien li ġej karrieri fil-films se jkun hawn. Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Kummissjoni Maltija għall-Films qed ninvestu bil-kbir fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal dawk kollha li jixtiequ jkunu parti minn din l-industrija kif ukoll qed inkomplu inħarġu lil dawk li diġà jaħdmu fiha,” ikkonkluda Grech.