‘Ma kelli ebda involviment fil-ftehim tal-VGH’ - Il-PM Robert Abela
Abela insista li huwa ġie elett fl-2017 minkejja li ġie mistoqsi fuq il-konsulenza legali tiegħu fil-Kabinett
More in Politika
Abela insista li huwa ġie elett fl-2017 minkejja li ġie mistoqsi fuq il-konsulenza legali tiegħu fil-Kabinett
Il-Prim Ministru Robert Abela insista li huwa ma kellu ebda involviment fil-konċessjoni li ngħata lill-Vitals Global Healthcare (VGH).
Huwa qal dan quddiem Kastilja f’kummenti li ta lill-ġurnalisti b’reazzjoni għal dak li iddikjarat il-Qorti, jiġifieri illi l-kuntratt ta’ tliet sptarijiet: Dak Ġenerali ta’ Għawdex, dak ta’ St Lukes u dak ta’ Karin Grech ġie iddikkjarat null għaliex kien kuntratt “frawdalenti.” Dan filwaqt li l-Maġistrat Francesco Depasquale ordna li l-isptarijiet jerġgħu jingħataw lura lill-Gvern.
Abela qal li ltaqa’ ma’ numru ta’ Ministri biex flimkien janalizzaw din id-deċiżjoni u li se jkun qiegħed jagħmel applikazzjoni fil-Qorti biex il-perjodu li wieħed jappella tiġi mnaqqsa. “Bil-liġi kulħadd għandu dritt ta’ 30 ġurnata biex jappella s-sentenza. Jekk eventwalment jidħol appell se nitolbu biex dan jinstema’ b’urġenza biex il-kwistjoni tiġi definita b’mod defenittiv,” qal Abela.
Abela ġie mfakkar li fiż-żmien li sar it-trasferiment taż-żewġ kumpaniji u li hu kien konsulent legali tal-Kabinett. Minkejja dan, huwa iċċara li ma kellu ebda involviment għal darba, darbtejn u li fil-perjodu msemmi ma kienx konsulent legali.
Infakkru li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qal li, “l-istadji kollha fil-konċessjonijiet tal-Isptarijiet saru b’diskussjonijiet tal-Kabinett." Intant, Abela saħaq li hu ġie elett f’Ġunju tal-2017 u li l-Qorti ħassret ftehim tal-2015, “dakinhar jien lanqas kont għadni Membru Parlamentari.”
Abela qal ukoll li se jkun qiegħed jagħmel talba għal dibattitu Parlamentari fuq il-Konċessjonijiet kif ukoll fuq id-deċiżjoni tal-Qorti.