‘Robert Abela u sħabu jridu jerfgħu r-responsabilità’ - Bernard Grech
Huwa iddeskriva lill-Partit Laburista bħala kodard għax qal li 'qed jagħżel l-istrateġija ta' wieħed iwaħħal fl-ieħor'
More in Politika
Huwa iddeskriva lill-Partit Laburista bħala kodard għax qal li 'qed jagħżel l-istrateġija ta' wieħed iwaħħal fl-ieħor'
“Robert Abela ma jistax jaħrab.” Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech akkumpanjat mid-Deputat Adrian Delia fi stqarrija quddiem l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Huwa sostna wkoll li “hu u sħabu jridu jerfgħu r-responsabilità.”
Grech qal li “Robert Abela ilu involut f’dan il-kuntratt frodist għax kien Konsulent tal-Kabinett meta bdiet din il-kwistjoni kollha.” Minkejja dan, tajjeb li nfakkru li Abela ċaħad kull tip ta’ involviment anke li ikkonsulta fil-perjodu li fih sar dan il-kuntratt.
Fuq hekk, Delia fakkar kif il-Qorti kienet ċara li Robert Abela kien responsabbli “in primis. U għalkemm hu qed jgħid li ma kienx involut, kulħadd jaf li dan mhux minnu għax Robert Abela kien Konsulent tal-Kabinett u bħala Membru Parlamentari ivvota biex tal-Vitals u ta’ Steward jingħataw il-miljuni.”
“L-unika reazzjoni tiegħu s’issa kienet li dak iż-żmien, hu ma kienx fil-Kabinett, daqslikieku ried jarmi lil Joseph Muscat u lill-Kabinett tiegħu. B’hekk, Robert Abela għażel li jkompli jipproteġi lilu nnifsu u l-ftehim korrott u frawdolenti,” sostna Grech.
Huwa qal ukoll li l-Partit Laburista, “għax kodard qed jagħżel l-istrateġija li wieħed iwaħħal fl-ieħor.”
Intant Delia qal illi l-Gvern ilu s-snin iwiegħed sptar ġdid f’Għawdex, li kellu jinbena fi żmien tliet snin kif ukoll li jsir immodernizza fl-Isptarijiet San Luqa u Karin Grech. “Iżda minkejja li tal-Vitals u ta’ Steward baqgħu ma għamlu xejn minn dan, il-Gvern ġeddilhom il-kuntratt u baqa’ jżidilhom il-fondi ta’ kull sena. Dan ġara biss biex ikomplu jiffordaw lill-poplu.”
Delia fakkar ukoll li, fil-Protest Ġudizzjarju li hu ppreżenta mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, “intalbet ir-responsabbiltà personali minn kull min ikompli jappoġġja dan il-ftehim.”