Etajiet, densità u reliġjon... Iċ-ċensiment issimplifikat
Malta: Wieħed mill-pajjiżi bl-akbar densità fl-Ewropa u wieħed mill-iżgħar pajjiżi fl-Ewropa. B’densità ta’ 1,649 resident għal kull kilometru kwadru f’pajjiżna, in-nies fejn u kif qed joqgħodu f’ġebla ċkejkna f’nofs il-Mediterran? X’nafu fuqhom u l-ħajja li qed jgħixu?
minn Anthea Cachia
L-ILLUM tagħti ħarsa lejn is-sitt reġjuni ta’ pajjiżna u tanalizza l-popolazzjoni, id-densità, l-età u l-għażla reliġjuża tar-residenti tagħhom, fuq l-istatistika maħruġa miċ-ċensiment tal-2022
- Ix-Xlokk:
Il-popolazzjoni: Fil-Ponta ta’ isfel ta’ Malta u l-madwar ġew irreġistrati 77,948 resident. Il-maġġoranza ta’ dawn ir-residenti, jiġifieri 85%, huma Maltin filwaqt li 14% biss huma ta’ nazzjonalità barranija. Marsaskala hija fost l-aktar popolari kemm mal-Maltin kif ukoll mal-barranin hekk kif aktar minn 20% tal-popolazzjoni fir-reġjun tax-Xlokk hija magħmula mill-Iskalin. Fil-fatt kważi 17,000 jgħixu f’dan il-lokal pjuttost ġdid. Isegwi hemm iż-Żejtun li għandha popolazzjoni ta’ 12,409 u ż-Żurrieq b’12,295.
Id-densità: Dan ir-reġjun huwa wieħed mill-inqas dens. Fil-fatt dan għandu 1,554 resident għal kull kilometru kwadru li f’termini Ewropej xorta hija densità għolja immens. L-akbar densità fir-reġjub kienet fiż-Żejtun b’2,312-il resident għal kull kilometru kwadru. Min-naħa l-oħra, l-inqas densità kienet irreġistrata fir-raħal pittoresk tal-Qrendi, b’642 resident għal kull kilometru kwadru.
L-età: B’mod ġenerali, l-età medja tal-Maltin kienet dejjem ogħla minn dawk li mhumiex ta’ nisel Malti iżda għandhom iċ-ċittadinanza. Fil-fatt, filwaqt li l-età medja tal-barranin f’dan id-distrett kien ta’ 34 sena, dik tal-Maltin kienet ta’ 41.6 sena. Minkejja dan, l-età medja ta’ dan id-distrett, b’mod ġenerali, hija fost l-iżgħar madwar Malta, jiġifieri 40.5 snin.
Ir-reliġjon: Ir-reliġjon Kattolika Rumana kienet l-għażla tal-maġġoranza tar-residenti madwar Malta u Għawdex. Fil-fatt wara t-Tramuntana u t-Tramuntana tal-port, dan ir-reġjun huwa l-aktar li fih, numerikament, hemm nies li jipparttikaw ir-reliġjon Kattolika, b’total 67,175 persuna.
Il-lokalitajiet ta’ dan id-distrett huma: Birżebbuġa, il-Gudja, Ħal-Għaxaq, Ħal Kirkop, Ħal Safi, Marsaskala, Marsaxlokk, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żejtun u ż-Żurrieq.
- In-Nofsinhar tal-Port:
Il-popolazzjoni: B’kollox ftit aktar minn 86,000 persuna jgħixu f’dan ir-reġjun. 87% minn dawn huma Maltin filwaqt li 12.6% huma barranin. L-aktar tliet ibliet b’popolazzjoni kibra huma Ħaż-Żabbar bi 17,148 resident, il-Fgura bi 13,066 residenti u Raħal Ġdid b’9,339 resident. L-akbar numru ta’ residenti barranin irreġistrati kienu f’Raħal Ġdid, b’total ta’ 2,028 persuna.
Id-densità: Dan ir-reġjun huwa l-aktar dens fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta u mhux b’kumbinazzjoni hekk kif huwa d-distrett madwar l-ibliet tal-port (kottonera). Dan hekk kif, b’kollox kienu irreġistrati 3,287 resident għal kull kilometru kwadru. L-akbar lokalità ffullata f’dan il-każ, kienet il-Floriana b’densità ta’ 2,104.
L-età: Dan ir-reġjun għandu l-ogħla età medja madwar Malta kollha, jiġifieri ta’ 43.4 sena. Intant l-ixjeħ lokalità f’Malta b’età medja ta’ 49 sena hija l-Birgu, inċidentalment l-eqdem belt f’Malta.
Ir-reliġjon: Filwaqt li nerġgħu naraw li anke hawnhekk l-aktar reliġjon prattikata hija dik Kattolika, f’dan ir-reġjun, in-numru ta’ persuni li għażlu reliġjon oħra taqbeż dik ta’ persuni li m’għandhomx affiljazzjoni reliġjuża. Fil-fatt f’dan ir-reġjun, l-Iżlam kien it-tieni l-aktar reliġjon ipprattikat b’total ta’ 2,892 persuna. Filwaqt li l-inqas reliġjon popolari f’dan il-każ kien il-Ġudaiżmu. Inċidentalment, dan huwa r-reġjun li fih hemm l-unika Moskea f’Malta.
Il-lokalitajiet ta’ dan id-distrett huma: Bormla, il-Fgura, il-Floriana, Ħal Luqa, Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, il-Marsa, Raħal Ġdid, Santa Luċija, l-Isla, Ħal Tarxien, il-Belt Valletta, il-Birgu u x-Xgħajra.
- Il-Punent:
Il-popolazzjoni: Dan ir-reġjun kellu wieħed mill-iżgħar popolazzjoni irreġistrata, b’total ta’ 65,266. Minn dawn 8% tar-residenti biss huma barranin, jiġifieri 5,739. Ħaż-Żebbuġ huwa il-lokal bl-akbar popolazzjoni b’13,785 resident, segwit minn Ħ’Attard, li filwaqt li kellu 12,268 resident kellu wkoll l-ogħla rata ta’ barranin fih f’dan ir-reġjun. L-istess kif ukoll ir-Rabat, li hija t-tielet l-akbar lokalità bi 12,000 resident.
Id-densità: Iċ-Chadwick Lakes, il-Buskett, l-Imtaħleb u Fomm ir-Riħ. Kollha positijiet ta’ valur ambjentali għoli u li jikkaratterizzaw dan ir-reġjun. Mhux ta’ b’xejn, għalhekk, li l-Punent huwa fost l-inqas reġjuni li fih jgħixu nies. Fil-fatt dan reġa’ ġie ikkonfermat fid-densità, jiġifieri ta’ ftit aktar minn 900 resident għal kull kilometru kwadru. L-akbar densità irreġistrata kienet f’Ħal Balzan b’7,998. Dan b’kuntrast għas-Siġġiewi li fih ġew irreġistrati 449 resident għal kull kilometru kwadru biss.
L-età: Tajjeb li nirrimarkaw li f’kull distrett madwar Malta l-età medja tan-nisa kienet ħafna ogħla minn dik tal-irġiel, inkluż f'dan ir-reġjun. Fil-fatt, l-età medja tan-nisa kienet ta’ 43.2, differenza ta’ sentejn meta mqabbel ma’ dik tal-irġiel. Intant l-età medja, b’mod ġenerali, fil-punent kienet ta’ 42.4 sena.
Ir-reliġjon: B’kollox, 13.8% ta’ dawk kattoliċi f’Malta joqgħodu f’dan id-distrett. Fil-Punent, jinsab it-tieni l-iżgħar numru ta’ persuni li jipprattikaw il-Hindu b’total ta’ 259 persuna, kif ukoll it-tieni l-inqas li għandu persuni li m’għandhom l-ebda affiljazzjoni reliġjuża, b’total ta’ 1,898.
Il-lokalitajiet ta’ dan id-distrett huma: Ħad-Dingli, Ħal Balzan, Ħal Lija, Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ, l-Iklin, l-Imdina, l-Imtara, ir-Rabat u s-Siġġiewi.
- It-tramuntana tal-Port:
Il-popolazzjoni: B’kollox 157,297 persuna tgħix f’dan ir-reġjun, l-akbar popolazzjoni f’pajjiżna. Fit-tramuntana tal-Port terz tar-residenti huma barranin. L-aktar tlett ibliet b’popolazzjoni kbira huma Birkirkara b’25,807 residenti, Tas-Sliema bi 19,655 resident u Ħal Qormi bi1 8,099 resident. F’dan id-distrett, l-aktar post imfittex mill-barranin, forsi mingħajr wisq sorpriża, kien Tas-Sliema bi kważi 10,000 resident li mhumiex Maltin.
Id-densità: F’dan ir-reġjun tinstab l-aktar lokalità b’densità għolja, jiġifieri Tas-Sliema. Filwaqt li b’mod ġenerali f’dan ir-reġjun id-densità tal-popolazzjoni kienet ta’ 6,547, f’Tas-Sliema din titla’ għal ċifra li titqabbel u tissupera bliet barranin, jiġifieri ta’ 15,167 resident għal kull kilometru kwadru. Simili għal dan, kemm il-Pietà kif ukoll il-Gżira, irreġistraw aktar minn 10,000 f’densità. Ta’ min jinnota li dawn huma lokalitajiet li lkoll għandhom numru kbir ta’ appartamenti.
L-età: Fil-każ tat-Tramuntana tal-Port l-età medja, b’mod ġenerali, kienet dik ta’ 41.5 sena. Punt interessanti huwa li, filwaqt li bħalma għidna qabel li l-maġġoranza tal-barranin huma iżgħar mill-Maltin, f’dan ir-reġjun joqgħodu l-iktar barranin żgħażagħ, bl-età medja ta’ 33.6 sena. Fil-fatt l-età medja ta’ persuni b’aktar minn ċittadinanza waħda, kienu residenti Qriema bl-età ta’ 30 sena.
Ir-reliġjon: F’dan ir-reġjun naraw l-aktar diversità ta’ reliġjonijiet. Minħabba l-kobor ta’ dan id-distrett naraw li l-maġġoranza ta’ persuni f’kull reliġjon, ġew irreġistrati li joqgħodu fi ħdanu. Dan id-distrett għandu wkoll l-akbar numru ta’ persuni li m’għandhomx affiljazzjoni reliġjuża, bi kważi 10,000 persuna.
Il-lokalitajiet ta’ dan id-distrett huma: Birkirkara, il-Gżira, Ħal Qormi, Ħamrun, l-Imsida, Pembroke, San Ġwann, Santa Venera, San Ġiljan, is-Swieqi, Ta’ Xbiex, Tal-Pietà u Tas-Sliema.
- It-tramuntana:
Il-popolazzjoni: Wara d-distrett tat-Tramuntana tal-Port, dan huwa l-akbar fil-popolazzjoni b’93,755 resident u kważi 30% minn dawn huma persuni barranin. Naturalment, anke jekk wieħed iqis il-kobor tal-lokalità, San Pawl il-Baħar jiddomina bl-aktar residenti fih b’total ta’ 32,042 resident. Interessanti li għandu wkoll aktar residenti barranin milli residenti Maltin, fil-fatt hemm b’kollox 14,760 resident ta’ nisel Malti u 17,282 ta’ nisel barrani.
Id-densità: F’dan ir-reġjun partikolari Malta rat żieda sostanzjali fil-popolazzjoni tagħha. Madankollu, d-densità meta mqabbla mad-disretti l-oħra tinsab, bejn wieħed u ieħor, fin-nofs u kważi ixxaqqleb ma’ dawk bl-inqas densità. Mill-ġdid dan huwa reġjun li fih jiddomina wkoll il-pajsaġġ Malti bħal fiż-żona tal-Miżieb, il-Pwales u l-Park tal-Majjistral. B’mod ġenerali id-distrett irreġistra 1,273 resident għal kull kilometru kwadru. L-aktar irreġistrati kienu fil-Mosta b’densità ta’ 3,463, filwaqt li l-inqas irreġistrata kienet fir-raħal marbut mal-agrikoltura, l-Imġarr b’300 biss.
L-età: It-tramuntana ta’ Malta huwa l-aktar reġjun żagħżugħ b’età medja ta’ ftit aktar minn 40 sena. L-aktar lokalità żagħżugħa hija Ħal-Għargħur b’età medja ta’ 33.3 sena.
Ir-reliġjon: Dan id-distrett għandu t-tieni l-akbar popolazzjoni ta’ ortodossi, b’total ta’ 5,813. Ma ninsewx li fost l-aktar ċittadinanzi ortodossi hemm ir-Russi, l-Ukreni, il-Bulgari, is-Serbi u r-Rumeni – lkoll ċittadinanzi komuni fost il-popolazzjoni ta’ immigranti f’pajjiżna.
Il-lokalitajiet ta’ dan id-distrett huma: Ħal-Għargħur, Il-Mellieħa, l-Imġarr, il-Mosta, In-Naxxar u San Pawl il-Baħar.
- Għawdex u Kemmuna:
Il-popolazzjoni: Sintendi, Għawdex hija gżira ferm iżgħar minn Malta u fil-fatt il-popolazzjoni tixhed dan. Għawdex (u Kemmuna) tibqa’ d-distrett bl-iżgħar popolazzjoni. B’kollox f’Għawdex kienu irreġistrati ftit inqas minn 40,000 persuna u għaldaqstant kważi terz tal-popolazzjoni tat-Tramuntana tal-Port u madwar nofs dik tan-Nofsinhar tal-Port u x-Xlokk. Tant hu hekk li ftit inqas minn 12% tal-popolazzjoni Għawdxija biss huma barranin.
Id-densità: Id-densità f’Għawdex kienet irreġistrata għal 572 resident għal kull kilomteru kwadru. Dan l-ammont jitla’ konsiderevolment fil-kapitali r-Rabat, b’2,499. Fl-Għasri id-densità tinżel bil-kbir għal 104 u minkejja li din hija ċifra ferm iżgħar meta mqabbla mal-bqija ta’ Malta, hija biss ħames residenti għal kull kilometru kwadru inqas mid-densità tal-UE kollha.
L-età: Ir-residenti ta’ Għawdex u Kemmuna huma l-ixjeħ fil-pajjiż. Fil-fatt, l-età medja kienet ta’ kważi 44 sena. L-ogħla età irreġistrata kienet mill-ġdid fir-raħal ċkejken tal-Għasri, bi ftit aktar minn 48 sena, segwita mir-Rabat Għawdex u n-Nadur bi ftit aktar minn 45 sena irrispettivament.
Ir-reliġjon: Għawdex huwa bastjun Kattoliku u din mhix sorpriża. Fl-2011, madwar 70% tal-Għawdxin ivvotaw kontra l-introduzzjoni tad-divorzju. Fil-fatt 84% tal-Għawdxin, qalu illi jipprattikaw ir-reliġjon kattolika.
Il-lokalitajiet ta’ dan id-distrett huma: Il-Fontana, Għajnsielem, l-Għarb, l-Għasri, il-Munxar, in-Nadur, il-Qala, San Lawrenz, Ta’ Kerċem, Ta’ Sannat, ir-Rabat, ix- Xagħra, ix-Xewkija u ż-Żebbuġ.