Sondaġġ ILLUM | 70% tal-Maltin inkwetati ħafna fuq l-għoli tal-ħajja

Xirja ta’ pakkett ħalib, ħobż, perżut u ġobon, fejn qabel kienet tiswa’ madwar €3.50 illum malajr tiġi tiswa’ €5. Mhix sorpriża li l-ħajja għoliet u dan is-sondaġġ jindika li ħafna nies huma inkwetati, speċjalment l-Għawdxin 

Xirja ta’ pakkett ħalib, ħobż, perżut u ġobon, fejn qabel kienet tiswa’ madwar €3.50 illum malajr tiġi tiswa’ €5. Mhix sorpriża li l-ħajja għoliet u fil-fatt 68.6% tal-Maltin qalu illi huma inkwetati ħafna fuq l-ogħli tal-ħajja. Dan irriżulta minn sondaġġ xjentifiku magħmul mill-polling unit tal-MediaToday POLAR għall-gazzetta ILLUM li staqsa lill-parteċipanti kemm jinsabu inkwetati fuq l-għoli tal-ħajja.  

L-għoli tal-ħajja huwa ikkawżat minn numru ta’ fatturi inkluż il-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja u l-effetti li qed tħalli fuq il-forniment tal-ikel, il-prezzijiet tal-qamħ kif ukoll il-prezzijiet tal-ġwież u ċereali. Dan ifisser li mhux biss qed jiżdiedu l-prezzijiet tal-materja prima, imma wkoll ta' prodotti li nużaw biex jiġu mitmugħa l-annimali. Dan qed iwassal biex prodotti bħall-laħam, ġobnijiet, ħobż, ħalib, ċereali, tiġieġ u dak kollu li ġej mill-annimali jiżdied fil-prezz. Dan apparti illi sforz il-pandemija żdiedu sew il-prezzijiet tal-enerġija u għalkemm il-Gvern Malti qed iżomm il-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll tal-fjuwil stabbli, din iż-żieda xorta wasslet għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel.   

B’mod partikolari dan is-sondaġġ juri illi l-aktar persuni inkwetati huma dawk li għandhom bejn 51 sena u 65 sena b'75.1%. Dan jista’ jiġi attribwit għall-fatt illi f’din l-età dawn ikunu resqin lejn il-pensjoni u jista’ jagħti l-każ illi jkunu mħassba dwar kif se jkampaw la darba jieqfu mill-impjieg tagħhom. Tajjeb li nsemmu wkoll illi skont ċifri tal-Eurostat, iż-żgħażagħ Maltin jibqgħu jgħixu mal-ġenituri sakemm ikollhom 32 sena u dan ifisser li ħafna ġenituri tal-etajiet bejn il-51 sena u s-65 ikunu għadhom qed imantnu lil uliedhom għaliex ikunu għadhom qed jgħixu taħt l-istess saqaf.

Dawn segwiti mill-parteċipanti li għandhom bejn 36 u 50 sena, b’70.3%. Tajjeb li nsemmu li dawn ukoll ikollhom ħafna spejjeż fosthom biex iħallsu xi self tar-residenza tagħhom, l-ispejjeż tal-iskola tat-tfal u l-attivitajiet estrakurrikulari, fost oħrajn u dan ukoll jistgħu jiġu attribwiti għall-fatt illi jinsabu inkwetati ħafna. Fil-fatt kienu 1.3% biss illi qalu li mhumiex inkwetati.  

Interessanti wkoll illi ż-żgħażagħ tal-etàjiet bejn 16 u 35 sena huma t-tielet l-aktar inkwetati fuq l-għoli tal-ħajja, b’65.3% li jaħsbu dan, ftit inqas mill-parteċipanti li għandhom ‘l fuq minn 65 sena.  

Min-naħa l-oħra b’mod ġenerali, kienu biss 3% illi qalu li ma huma inkwetati xejn fuq l-għoli tal-ħajja filwaqt li 8.6% qalu li huma inkwetati ftit. B’mod ġenerali wkoll ftit inqas minn 20% qalu li filwaqt illi huma inkwetati, mhumiex inkwetati ħafna.  

Għawdex l-aktar imħassbin fuq l-għoli tal-ħajja 

Dan is-sondaġġ indika wkoll illi 78.3% tal-Għawdxin inkwetati ħafna l-fuq l-għoli tal-ħajja. Dan jagħmel l-Għawdxin l-aktar popolazzjoni inkwetata f’pajjiżna. 1.3% tal-Għawdxin biss illi qalu li ma huma inkwetati xejn. Dan filwaqt illi l-perċentwal ta’ dawk li huma inkwetati ftit huwa ta’ 10%.  

Dan il-perċentwal huwa soprendenti proprju minħabba l-fatt illi f’sondaġġ xjentifiku illi sar kważi sena ilu mill-ILLUM, l-Għawdxin kienu l-inqas imħassbin fuq l-għoli tal-ħajja. Dakinhar, il-gazzetta staqsiet fuq l-aktar kwistjonijiet li kienu qed jinkwetaw dwarha, bl-aktar kwistjonijiet li kienu qed jinkwetaw dwarhom kienu l-korruzzjoni, l-għoli tal-ħajja u l-Covid-19, f’din l-ordni. 

Minkejja li l-mistoqsija tvarja bi ftit, sena ilu 5% tal-Għawdxin biss qalu illi kienu inkwetati fuq l-għoli tal-ħajja, ferm inqas meta wieħed iqabbel maċ-ċifra ta’ llum.  

Intant, l-aktar persuni illi qalu li ma huma inkwetati xejn huma dawk mix-xlokk ta’ pajjiżna b’6.8%. Dawn jinkludu r-residenti ta’ Birżebbuġa, ta’ Marsaxlokk u ta’ Ħal Kirkop, fost oħrajn. 

L-għoli tal-ħajja hija ta’ inkwiet kbir għal 86.7% tan-Nazzjonalisti...  

Kienu 86.7% ta’ dawk il-parteċipanti illi kieku jkollha tfaqqa elezzjoni issa u jagħżlu li jivvutaw lil Partit Nazzjonalista, li jinsabu imħassba sew dwar l-għoli tal-ħajja. Dan il-perċentwal huwa kważi 40% aktar minn dawk illi kieku jivvutaw lill-Partit Laburista, b’47.4% tal-parteċipanti Laburisti illi qalu li huma inkwetati ħafna.  

Min-naħa l-oħra dan is-sondaġġ staqsa wkoll lil persuni illi fl-aħħar elezzjoni ivvutaw għall-ADPD – The Green Party u irriżulta illi 44.1% tal-parteċipanti jgħidu illi huma inkwetati ħafna, qrib ħafna tal-votanti Laburisti. Kważi 37% qalu li huma inkwetati, iżda mhux ħafna u kważi 19% illi qalu li huma inkwetati ftit.  

Punt interessanti huwa illi l-ebda parteċipant illi ivvota lil ADPD qal illi ma huwa inkwetat xejn.  

Kważi 10% ta’ dawk illi għandhom livell primarju ta’ edukazzjoni bla inkwiet fuq moħħhom  

U finalment dan is-sondaġġ jindika illi meta wieħed jara l-livell tal-edukazzjoni, kważi 10% ta’ dawk illi għandhom livell primarju ta’ edukazzjoni – u għaldaqstant l-inqas livell –ma huma inkwetati xejn. Dan filwaqt illi 58.3% qalu illi huma inkwetati ħafna.  

Filwaqt illi livell terzjarju tal-edukazzjoni jfisser illi persuni għandhom impjieg bi dħul tajjeb, xorta waħda jibqa’ l-fatt illi kważi 65% tal-parteċipanti b’din l-edukazzjoni jinsabu imħassbin sew.  

Minkejja kollox l-ikbar inkwiet huwa l-aktar irreġistrat fost dawk b’edukazzjoni sekondarja b’73.3%. 

Metidoloġija:  

Dan is-sondaġġ sar bejn nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Marzu u nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Marzu 2023. B’kollox aċċettaw li jipparteċipaw 574 persuna. Il-kampjun jirrifletti l-karatteristiċi tal-popolazzjoni skont l-età, ir-reġjun u l-ġeneru.  

Il-marġini ta’ żball huwa ta’ 4.8% b’intervall ta’ kunfidenza ta’ 95%.  

More in Politika