Ftit mumenti ilu Rosianne Cutajar ħabbret li se tkun qed tirreżenja mill-pożizzjoni tagħha bħala Deputat Parlamentari Laburista. Dan fid-dawl tal-fatt li ġimgħatejn ilu l-awtur Mark Camilleri ippubblika konverżazzjonijiet li kellha fuq whatsapp ma' Yorgen Fenech, il-mandat fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u sit ta' 17 Black.
F'dawn il-konverżazzjonijiet kien hemm materja ta' natura personali iżda kien hemm ukoll konverżazzjonijiet dwar xi flus li ngħatat u kif kienet se 'titħanżer' permezz ta' kuntratt mal-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).
F'dawn l-aħħar jiem kien hemm pressjoni kbira biex il-Prim Ministru Robert Abela jneħħi lil Cutajar mill-Grupp Parlamentari Laburista, speċjalment minn Repubblika u mill-Partit Nazzjonalista. Apparti minn hekk il-Partit ADPD - The Green Party saħansitra kiteb lill-Awditur Ġenerali biex jinvestiga l-kuntratt li kellha ta' konsulenza. Illum stess il-Partit Nazzjonalista qal fi stqarrija li "d-dgħjufija ta' Abela u l-imġieba skandaluża ta' Rosianne Cutajar qed ikomplu jagħmlu ħsara kbira lir-reputazzjoni ta' pajjiżna.
Intant aktar kmieni llum sorsi tal-gazzetta oħt MaltaToday qalu li Cutajar ingħatat ultimatum minn Abela; jew tirreżenja jew titkeċċa mill-eżekuttiv, bħalma kien ġara fil-każ ta' Konrad Mizzi. Uħud mill-membri tal-eżekuttiv jemmnu li filwaqt li l-azzjonijiet ta' Cutajar mhumiex kombarabbli ma' dawk ta' Cutajar, ħafna jemmnu li Cutajar kellha tirreżenja għaliex dak li ħareġ mill-konverżazzjonijiet "weġġa' lill-Partit."