Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ġie innominat bħala President tal-Assemblea Internazzjonali għas-Saħħa tal-Għaqda Dinjija Għas-Saħħa (WHO).
Huwa ħabbar dan fuq Facebook u saħaq li jinsab onorat b'din in-nomina. Sostna li din hija turija ta' fiduċja fis-sistema tas-saħħa Maltija. "Huwa unur li Malti jmexxi l-World Health Assembly, u n-nomina għal din il-pozizzjoni tkompli ssaħħaħ ir-reputazzjoni tal-qasam tas-saħħa ta’ Malta fuq skala internazzjonali” stqarr id-Deputat Prim Ministru Fearne. Sadanittant, ix-xogħol tiegħi f'Malta jkompli," qal il-Ministru.
Bħala President ta' din l-Assemblea, Fearne se jkun qiegħed imexxi sensiela ta' laqgħat li għalihom mistennija jipparteċipaw mexxejja fil-qasam tas-saħħa mill-194 Stat Membru tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa. Il-qofol tat-terminu ta’ sena li ġġorr magħha din il-pożizzjoni hija l-Assemblea annwali, li hija meqjusa bħala avveniment ewlieni għat-tmexxija tal-WHO, fejn il-Membri Stati jiddeterminaw il-prijoritajiet u l-politika tal-Organizzazzjoni għas-sena li ġejja.
Id-Deputat Prim Ministru laqa’ t-turija ta’ fiduċja fit-tmexxija tiegħu fil-qasam tas-saħħa u rringrazzja lid-Direttur Reġjonali Ewropew Hans Kluge u lill-Kumitat Reġjonali tal-WHO tar-Reġjun Ewropew tan-nomina.