'Jien ma rrid inkun toqol għal ħadd' - Rosianne Cutajar
Cutajar wegħdet li se tibqa' isservi bħala Membru Parlamentari Indipendenti u se tkun 'voċifera, preżenti u għad-dispożizzjoni tan-nies'
More in Politika
Cutajar wegħdet li se tibqa' isservi bħala Membru Parlamentari Indipendenti u se tkun 'voċifera, preżenti u għad-dispożizzjoni tan-nies'
Id-Deputat Rosianne Cutajar tgħid illi irriżenjat għaliex ma tridx li tkun ta' toqol għal xi ħadd. Dan qalitu b'reazzjoni għar-riżenja tagħha, ftit mumenti wara li tħabbret mill-Partit Laburista. Cutajar saħqet illi se tibqa' isservi bħala Membru Parlamentari Indipendenti, b'libertà u b'konsistenza mal-prinċipji Laburisti. Wegħdet ukoll li se tibqa' tkun voċifera, preżenti u għad-dispożizzjoni tan-nies.
Fuq Facebook hija qalet li sentejn ilu refgħet ir-responsabiltà politika u ħallset prezz billi irriżenjat mill-kariga tagħha bħala Segretarju Parlamentari, "anke jekk ma wettaqt l-ebda illegalità." Kompliet tiegħi li baqgħet taħdem fi ħdan il-Partit Laburista "bla suppervja" u li eventwalment ġiet eletta mill-ġdid b'madwar 2,200 preferenza li jagħmilha t-tieni l-aktar mara li kisbet l-ewwel vot. "Komplet naħdem u nagħti kontribut mingħat pretensjonijiet u anke jekk kont inħoss li hemm ċans li inġustament mhux se niġi magħżula biex inservi fuq livell ta' kabinett," qalet Cutajar.
B'referenza għaċ-chats ippublikati mill-awtur Mark Camilleri hija qalet li ġimgħatejn ilu sarilha attakk diżuman, vendikattiv u personali "fejn persuna kisret ordni tal-Qorti u ħarbet mill-pajjiż. Dan l-attakk kien ikkundannat pubblikament bħala kattiv, f'mument magħżul apposta fil-ħajja tiegħu u li minnu ma ħareġ xejn ġdid."
Komplet tgħid li sforz il-pressjoni biex terfa' responsabiltà staqsiet x'inbidel minn l-ewwel darba li irriżenjat u qalet li ma ngħatat l-ebda risposta.
Hija temmet l-istqarrija tagħha billi qalet li issa se tieħu aktar ħsieb saħħitha, l-familja l-ġdida tagħha u timraħ iżjed fil-ħajja professjonali tagħha "xi ħaġa li ċċaħħadt minnha matul dawn l-aħħar 13-il sena."