Qatluh għax iswed... Erba' snin mill-mewt ta' Lassana Cisse Souleyman
Erba' snin u ma saret l-ebda ġustizza għall-familja ta' Cisse Souleyman u l-vittmi l-oħra
More in Politika
Erba' snin u ma saret l-ebda ġustizza għall-familja ta' Cisse Souleyman u l-vittmi l-oħra
Bħal lum sitt snin, Lassana Cisse Souleyman, raġel ta’ 42 sena mill-Kosta tal-Avorju, inqatel f’Birżebbuġa. Żewġ vittmi oħra, Ibrahim Bah u Mohammed Jallow ukoll ġew milquta. Iż-żewġ suspettati ġew identifikati bħala suldati off-duty tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), li allegatament immiraw għall-vittmi minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom. Ftit xhur biss qabel, l-istess żewġ ħatja allegatament attakkaw lil May Malimi, żagħżugħ miċ-Ċad, waqt li kien ukoll miexi f’Birżebbuġa. Għaddew erba’ snin u l-familja ta’ Lassana u t-tliet vittmi l-oħra għadhom qed jistennew il-ġustizzja. Preżentament is-suspettati huma meħlusa bil-libertà proviżorja.
Aktar minn 40 Għaqda mhux Governattiva (NGO) fi stqarrija saħqet li l-qtil ta' Cisse "kien maħsub biex jitterrorizza u jqajjem il-biża’ fil-komunità tal-immigranti suwed. Il-kunfidenza li kellhom iż-żewġ suspettati kienet imħeġġa minn snin ta’ retorika politika u policies inumani dwar l-immigrazzjoni, retorika li tissuġġerixi li immigranti suwed jistgħu jiġu ttrattati bħala nies inferjuri." Sostnew li għal żmien twil id-diskors politiku u l-policies ta' kastig, qawwew il-fjammi tal-preġudizzju razzjali. Qalu wkoll li xi oħrajn "aċċetaw tali diskriminazzjoni permezz tas-silenzju tagħhom."
Huma talbu lill-Gvern biex jagħmilha ċara li r-razziżmu u l-preġudizzju mhux se jkunu tollerati. Żiedu li l-Gvern irid juri l-impenn tiegħu biex jiżgura li ssir ġustizzja u li atti ta’ vjolenza razzjali bħal dawn ma jibqgħux bla kastig. "Il-paroli mhux biżżejjed! Filwaqt li t-tnedija tal-istrateġija kontra r-razziżmu hija pass fid-direzzjoni t-tajba, il-bidla reali teħtieġ reviżjoni trasparenti tal-istrutturi, il-policies u n-normi soċjali kollha. Għandu jkun hemm sforz miftiehem biex jiġi indirizzat ir-razziżmu sistemiku fl-għeruq tiegħu," temmew l-NGOs.
Dawn l-NGOs huma: Aditus foundation, African Media Association Malta, Alleanza Kontra l-Faqar, Allied Rainbow Communities, Anti-Poverty Forum, Black Lives Matter Malta, Blue Door English, Caritas Malta, Dance Beyond Borders, Daphne Caruana Galizia Foundation, Dar Hosea, Dar tal-Providenza, Good Shepherd Sisters - Dar Merhba Bik Foundation, Humanists Malta, Integra Foundation, JRS Malta, Kopin, Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, Malta House of Prayer Foundation, Malta LGBTIQ Rights Movement, Men against Violence, Migrant Women Association Malta, Migrants Commission, Millenium Chapel, Moviment Graffitti, OASI Foundation, Office of the Dean Faculty for Social Wellbeing, Office of the Dean Faculty of Education, Paulo Freire Institute Foundation, PEN Malta, People for Change Foundation, Repubblika, SAR Malta Network, SKOP, Social Assistance Secretariat, SOS Malta, The Critical Institute, The Maltese Association of Social Workers (MASW), Victim Support Malta, Women’s Rights Foundation, YMC, Young Progressive Beings u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.