Illum fil-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Giovanni Grixti, se tiddeċiedi dwar jekk Malta tkunx tista’ tiftaħ il-kaċċa għall-gamiem. Għal snin issa l-Gvern ta’ Joseph Muscat u kif ukoll ta’ Robert Abela sfidaw lil Brussel u fetaħ l-istaġun fir-rebbiegħa. Dan minkejja li llum il-gamiem huwa meqjus bħala speċi ta’ għasfur taħt theddida u li l-kaċċa fir-rebbiegħa tmur kontra d-direttivi imposti mill-Unjoni Ewropea.
L-Għaqda ambjentali Birdlife Malta bdiet proċeduri kontra l-Gvern Malti u argumentat li d-deroga li għamel il-Gvern biex jinfetaħ l-istaġun għandu jingħalaq. Qed targumenta li l-qtil ta’ ftit eluf ta’ gamiem jagħmel ħsara irreparabbli lill-ispeċi tal-gamiema. Biex issaħħah l-argumenti tagħha ippreżentat dokument importanti tal-Unjin Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN), li tikkonferma li anke numru żgħir ta’ gamiem ikkaċċjat jista’ jkun ta’ dannu għall-popolazzjoni ta’ dawn l-għasafar.
Il-Gvern qed jargumenta li Malta ma tistax ma tiftaħx il-kaċċa fir-rebbiegħa għax m’għandix alternattiva oħra ħlief fir-rebbiegħa.
Deċizjoni mill-Qorti li jwassal biex ma jkunx hemm kaċċa għall-gamiem fir-rebbiegħa, ifisser disfatta għall-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Min-naħa l-oħra jfisser ukoll soljev żgħir għall-eluf ta’ għasafar migratorji li jinqatlu f’Malta u Għawdex bl-iskuża li qed jikkaċċjaw għall-gamiema. U fuq kollox, jekk dan ikun il-każ, din tkun rebħa għall-Birdlife Malta, li ilha snin tikkappanja biex il-kaċċa għall-gamien fir-rebbiegħa tiġi mwaqqfa.