L-aħħar aġġornament: 4:38 p.m.
"BirdLife Malta hija diżappuntata bl-eżitu tal-konklużjonijiet tal-Qorti u l-fatt li ġiet miċħuda t-talba għall-ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni kontra l-kaċċa tal-Gamiema fir-rebbiegħa." Hekk qalet fi stqarrija l-għaqda mhux governattiva (NGO) BirdLife Malta b'reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Imħallef Giovanni Grixti.
BirdLife Malta qalet li se tkun qed tinforma lill-Kummissjoni Ewropea bl-eżitu tal-każ fil-qorti, bl-iskop li tiffaċilita' it-triq 'il quddiem għat-tisħiħ tal-Proċedura ta' Ksur li diġà nfetħet mill-UE fi Frar li għadda permezz ta' Avviż ta' Tqegħid Formali li ntbagħat mill-Kummissjoni Ewropea lill-Gvern Malti.
"Il-Gvern kellu sal-15 ta' April biex iwieġeb għal din l-Ittra ta' Intimazzjoni li hija l-aktar twissija riċenti li rċieva mill-KE. Insejħu wkoll lill-Korp tal-Pulizija ta' Malta biex dan l-istaġun tal-kaċċa fi-rebbiegħa jkun preżenti b'saħħa biex jikkontrolla u jissorvelja strettament l-istaġun," qalet BirdLife.
Hija sostniet li l-Qorti qagħdet biss fuq ir-rapporti tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi li jagħmlu użu mid-data xjentifika sal-2018. "Id-data sal-2021 turi li l-popolazzjoni tal-Għamiema kompliet tonqos u li l-ispeċi qatt ma kienet f'qagħda agħar milli hi llum," qalet l-NGO. B'reazzjoni għal dan, il-WBRU qalet fi stqarrija li tibbaża l-evalwazzjoni tagħha fuq l-istat ta' konservazzjoni tal-ispeċi, soġġett għall-applikaċċjoni ta' deroga taħt Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Għasafar fuq l-aktar pubblikazzjonijiet xjentifiċi riċenti u mhux fuq estimi ta' popolazzjonijiet.
WBRU qalet li l-evalwazzjoni din is-sena saret bl-isess mod xjentifiku "kif dejjem sar fi snin preċedenti u kif spjegat fid-dettall fl-aħħar rapport dwar il-konservazzjoni tal-gamiema mħejji mit-Taqsima fejn juri li l-popolazzjoni ta' referenza tal-gamiema ta' Malta hija stabbli." Għaldaqstant it-Taqsima tiċħad kummenti li mhumiex ġusti li qed tagħmel u tallega l-BirdLife wara deċiżjoni tal-Qorti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana żied li issa "qed naraw xi jkun ir-riżultat meta jkollok taqsima motivata politikament bħalma hija l-Wild Birds Regulation Unit (WBRU) li minkejja li għandha d-data li turi x’inhu verament l-istatus tal-Gamiema, tiddeċiedi li tagħżel data speċifika bl-iskop li tpinġi sitwazzjoni li hija differenti mir-realtà. Id-WBRU poġġiet id-direzzjoni politika qabel il-fatti xjentifiċi. Il-qrati qagħdu biss fuq ir-rapporti tad-WBRU u injoraw kull tip ta’ data xjentifika oħra minn istituzzjonijiet ta’ fama bħalma hija l-Għaqda Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN). Fl-istess ħin ma ħallewniex inressqu bħala xhieda esperti xjentifiċi u data xjentifika li kienu jikkontradixxu l-pożizzjoni tad-WBRU."