'Kien hemm it-tama li l-inkjesta ta' Sofia titlesta f'qasir żmien'

Dan is-sit jinsab infurmat li r-rapport indipendenti tal-perit, dwar dan l-istess każ, għadu sa issa mhux konkluż

L-ILLUM tinsab infurmata li bħalissa hemm rabja kbira fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Robert Abela. Dan minħabba l-baraxx ta’ kritika li qed issirlu fuq id-deċiżjoni li ma tinfetaħx inkjesta pubblika. Ir-raġuni għal dan huwa attribwit għall-fatt li Abela kien qiegħed jistenna u jispera li l-Inkjesta Maġisterjali tiġi konkluża bl-istess ħeffa bħal dik ta’ Miriam Pace, jiġifieri fi żmien xahar. Minkejja dan, din id-darba l-Maġistrat inkwerenti hija magħrufa għall-pass kajman tagħha. 
 
Osservaturi politiċi u persuni qrib Abela qalu li l-Prim Ministru jemmen li l-inkjesta Maġisterjali hija ta’ importanza kbira biex jiġi determinat min hu responsabbli għal din it-traġedja li serqet ħajjet iż-żagħżugħ. Intant it-talba tiegħu biex il-Maġistrat tħaffef l-investigazzjonijiet, għorkot l-għajn ta’ xi gruppi li akkużaw lil Abela, b’indħil fl-indipendenza tal-ġudikatura. 


Ir-rapport tal-Perit għadu mhux konkluż

Il-Prim Ministru Abela jidher konxju tal-fatt li din l-inkjesta pubblika – li tant qed issir pressjoni biex din issir – minkejja li se tkun qed tinvestiga fuq l-istess binarju tal-inkjesta maġisterjali, żgur li se tkun qed tipponta lejn nuqqas kbir ta’ infurzar fuq is-siti ta’ kostruzzjoni. 

Intant, dan is-sit jista’ jiżvela li r-rapport indipendenti tal-perit fuq dan il-każ għadu mhux konkluż. Hija infurmata wkoll li r-rapport kien qiegħed jitħejja minn kumpanija li s-sid tagħha huwa affiljat ukoll ma’ għaqda ambjentali magħrufa. 

Min hu Jean Paul Sofia? 

Jean Paul Sofia kellu biss 20 sena meta f’Diċembru li għadda ġismu ittella’ mejjet qalb it-tifrik f’sit ta’ kostruzzjoni mġarraf fiż-żona industrijali f'Kordin. Huwa ittella' fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu wara operazzjoni delikata ta’ tfittxija. 

Sal-ġimgħa l-oħra stess omm il-mibki Sofia, Isabelle Bonnici, poġġiet ritratt ta’ binha ma’ Kastilja, bil-għan li tkompli bil-pressjoni biex issir Inkjesta Pubblika. Minkejja dan, kien l-għada stess li dan l-istess ritratt flimkien ma’ xi xemgħat tneħħew.

“Il-fjammi tax-xemgħa intfew u r-ritratt tneħħa iżda xorta għadni nittama li jkun hemm aktar sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol u li nieħdu l-ġustizzja li ħaqqna,” qalet Bonnici.

More in Politika