Daqshekk invażjoni ta’ ħmieġ u deckchairs... Aktar infurzar f’Kemmuna
‘Kemmuna hija ta’ kulħadd!’ Hekk kienet l-għajta kollettiva tal-attivisiti s-sena l-oħra. Issa li d-deckchairs u l-umbrelel se jonqsu għal 35% se jkun hemm infurzar? L-iskart iġġenerat mill-gabbani u mit-turisti kif se jiġi immaniġġjat? L-ILLUM tistaqsi
minn Anthea Cachia
Fl-istaġun sajfi, l-Gvern se jkun qiegħed iżid in-numru ta’ ħaddiema li jmorru fuq Kemmuna biex tiżdied l-indafa u jitrażżan l-iskart. Dan ifisser li matul il-ġurnata, se jkun hemm aktar ħaddiema preżenti li jilqgħu għall-influss ta’ skart, iġġenerat mill-mijiet ta’ turisti li jżuru l-gżira ta’ kuljum.
L-ILLUM tkellmet mal-Ministeru għat-Turiżmu, li sostna illi l-immaniġġjar tal-iskart se jiġi sostnut ukoll biż-żieda fil-frekwenza ta’ vjaġġi bejn Malta u Kemmuna. Dan il-vjaġġ addizzjonali se jkun qed topera tliet darbiet kuljum: Filgħodu, waranofsinhar u filgħaxija. “Dan se jsir bil-għan li ma jitħalliex skart fil-Blue Lagoon matul il-lejl u għaldaqstant titnaqqas il-ħsara lill-biodiversità,” qal il-kelliem tal-Ministeru.
Din il-gazzetta staqsiet ukoll dwar il-gabbani preżenti fuq Kemmuna, li għalkemm kollha jbiegħu l-istess prodotti, fl-aħħar snin rajna żieda fil-preżenza tagħhom. Apparti l-iskart li jiġi iġġenerat mit-turisiti wara li dawn ilestu mill-ikel, il-gabbana innifisha tiġġenera skart, li bla dubju jatratta numru ta’ firien. Għaldaqstant din il-gazzetta tistaqsi dwar kif se jkun hemm monitoraġġ dwar l-iskart iġġenerat mill-gabbani u mit-turisti. Il-Ministeru qal illi l-operaturi tal-gabbani “qed jintalbu li jintroduċu elementi ta’ sostenibilità u ndafa fl-operat tagħhom.” Minkejja dan, ma kien hemm ebda spjegazzjoni dwar liema elementi se jiġu introdotti.
L-ILLUM tistaqsi wkoll dwar kif se jiġi żgurat li r-regolarizzazzjoni li qed timponi l-Awtorità għat-Turiżmu se tiġi mħarsa mit-turist u mill-operat tal-gabbani. Se jkun hemm uffiċjali tal-LESA?
Hawn il-kelliem inista li se jkun hemm monitoraġġ kuljum u kontinwu biex iż-żoni dedikati għall-pubbliku jibqgħu tal-pubbliku u biex jinżamm il-livell ta’ ndafa xieraq għal dan il-post. Madankollu ma ġiex iċċarat kif se jkun dan il-monitoraġġ jekk hux se jkun hemm uffiċjali inkarigati għaż-żamma tal-indafa jew jekk dan hux se jsir permezz ta’ monitoraġġ fuq kameras tas-CCTV, fost oħrajn.
Qed nagħtu iżjed spazju lill-pubbliku biex titgawda Kemmuna u fl-istess waqt, l-eliminazzjoni ta’ ammont ta’ deckchairs, se ttejjeb l-organizzazzjoni u l-passaġġ ta’ dawk kollha li jagħżlu li jżuru l-Blue Lagoon
‘Id-deckchairs se jinżlu għal 35% tad-deckchairs’
Rabja, kaos u furur. Dawn kienu emozzjonijiet li żewqu l-jiem mill-aktar sħan f’Kemmuna, u bir-raġun. F’din il-gżira daqs naqra, l-operaturi invadewlha kull roqgħa li seta’ kien hemm vojta fiha bid-deckchairs u l-umbrelel. Din il-gazzetta stess, editorjalment, kienet ingħaqdet mal-Moviment Graffitti u persuni kollha li opponew bil-qawwa l-influss eżaġerat ta’ deckchairs.
Allura issa li s-sajf reġa’ magħna, kif tgħid il-frażi Ingliża, kollox back to square one? Se jkun hemm koordinazzjoni mal-operaturi tad-dgħajjes, li ta’ kuljum idaħħlu numru ta’ turisti f’salt?
Il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo, kmieni din il-ġimgħa ħabbar li se jkun qiegħed jelimina 65% tad-deckchairs u sunbeds li kienu qed jokkupaw il-bajja u l-moll. “Kemm il-bajja kif ukoll il-moll se jkunu kollha għall-użu tal-pubbliku ġenerali,” assigura l-kelliem.
Hawn l-ILLUM terġa’ tistaqsi jekk hux se jkun hemm uffiċjali inkarigati mil-LESA li jinforzaw dawn ir-regolamenti ġodda, iżda anke dwar dan, il-gazzetta baqgħet bla risposta.
Il-Gvern kif se jilqa’ għall-ħsara li qed issir bil-vjaġġi estensivi li qed imorru ta’ kuljum fuq Kemmuna?
Xhur ilu din il-gazzetta intervistat lill-attivist tal-Moviment Graffitti, Rafel Grima. Voċiferu ħafna fuq Kemmuna huwa qal mal-ILLUM li Graffitti talab li d-dgħajjes il-kbar ikunu projbiti minn Kemmuna u jsir forma ta’ capping ta’ numru ta’ turisti li jmorru fil-gżira f’salt. Dakinhar appella biex minflok tidħol flotta kbira f’Kemmuna b’dgħajsa waħda, it-turisti jitqassmu b’mod aktar sostenibbli bl-operaturi ż-żgħar. B’hekk ikun qiegħed jitnaqqas l-impatt fuq l-ibħra wkoll.
L-ILLUM fakkret lill-Ministeru proprju dwar dan u staqsiet kif il-Gvern se jkun qiegħed jitlqa’ għall-impatt ekoloġiku li jinħoloq permezz tad-dgħajjes. Iżda anke hawn, l-ILLUM baqgħet bla risposta.
‘Il-pjan fit-tul huwa li b’dawn id-deċiżjonijiet jitfassal pjan ħolistiku’
U finalment il-Ministeru insista illi b’dawn id-deċiżjonijiet kollettivi li ħa l-Gvern biex jimmaniġġja aħjar id-dħul turistiku fil-gżira oħt, se jkun qiegħed jitfassal pjan ħolistiku fit-tul għal Kemmuna li jagħti importanza u rispett lill-esperjenza turistika ġenerali ta’ din il-gżira, “filwaqt li s-sostenibilità tkun fuq nett tal-aġenda.”