Vi jew Va? Il-kaċċa fir-rebbiegħa
Ir-rebbiegħa ġġib magħha l-istaġun tal-kaċċa u f’pajjiżna, filwaqt illi hemm diversi nies illi jopponuha bil-qawwi, hemm oħrajn li jemmnu li din il-prattika m’għandhiex titwaqqaf għaliex tagħmel parti fundamentali mill-identità Maltija. Int taqbel jew ma taqbilx... Vi jew va?
minn Anthea Cachia
Din il-gazzetta, ta’ kull ġimgħa, se tkun qed toffri spazju biex żewġ persuni jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom fuq temi differenti u jesprimu ruħhom għaliex jaqblu jew ma jaqblux... Vi jew va. Għal din il-ġimgħa, l-ILLUM tistaqsi lill-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana u l-President tal-Federazzjoni Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti Lucas Micallef mistoqsija sempliċi; Il-kaċċa fir-rebbiegħa: Għaliex taqbel jew ma taqbilx?
Ma jaqbilx mal-Kaċċa fir-rebbiegħa - Jitkellem il-Kap Eżekuttiv ta' BirdLife Malta Mark Sultana:
L-għasafar huma ħlejjaq uniċi speċjalment għall-fatt li jtiru. Ħafna minn dawn l-għasafar itiru għal sigħat u għal kilometri twal. Dan isir darbtejn fis-sena b’dak li hu magħruf bħala l-passa tal-ħarifa u tar-rebbiegħa.
Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li wara li l-għasafar ibejtu fl-Ewropa, kemm l-adulti kif ukoll iż-żgħar tagħhom, jimxu lejn l-Afrika fil-ħarifa biex jevitaw il-kesħa li ġġib ix-xitwa fl-Ewropa. Wara li mbagħad iqattgħu x-xitwa fl-Afrika, jerġgħu jibdew jitilgħu l-Ewropa fir-rebbiegħa. Dan ifisser li kull sena l-għasafar jaqsmu meded kbar ta’ art fosthom id-deżert tas-Saħara kif ukoll il-baħar Mediterran.
Il-Gżejjer Maltin, li jinsabu f’nofs il-Mediterran, huma ta’ appoġġ kbir għall-għasafar waqt il-passa tagħhom. Dan għaliex joffrilhom kenn u post fejn jistrieħu u jieklu qabel ma jkomplu l-vjaġġ tagħhom. Minn dawk l-għasafar kollha li jitilqu lejn l-Afrika fil-ħarifa u mbagħad jerġgħu lura lejn l-Ewropa, ammont konsiderevoli jmutu b’mod naturali. Fil-fatt, fil-ħarifa jgħaddu ħafna aktar għasafar milli fir-rebbiegħa u dawk li jgħaddu fir-rebbiegħa huma l-aktar għasafar b’saħħithom li rnexxielhom isalvaw mill-ħruxija li jiffaċċjaw waqt il-passaġġi.
Din hija l-ewwel raġuni għaliex il-kacca fir-rebbiegħa hija insostenibbli, immorali u mingħajr rispett għan-natura u ċ-ċirku tan-natura. Wara li għasfur ikun għamel żewġ vjaġġi twal fejn ikun qasam muntanji, ibħra u meded ta’ deżert u jkun ġurnata jew tnejn bogħod biex jasal fejn jista’ jbid il-bajd u jrabbi l-frieħ tiegħu, ma jagħmilx sens jew ġid li jinqatlu f’Malta. Dan għaliex dak l-għasfur kien se jrabbi u jkattar aktar minn dik l-ispeċi stess u saħansitra huwa għasfur b’saħħtu ħafna.
Din hija r-raġuni għaliex anke fil-liġijiet u direttivi ta l-Unjoni Ewropea nsibu li matul l-istaġun tar-rebbiegħa xejn ma jista’ jittieħed min-natura speċjalment mill-għasafar. Din hija r-raġuni għaliex l-ebda pajjiż fl-Unjoni Ewropea ma jiftaħ staġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa u hija wkoll il-bażi għaliex il-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea fetħet proċedura legali kontra Malta.
Malta tipprova tiġġustifika l-kaċċa fir-rebbiegħa billi targumenta li ma jinqatlux biżżejjed għasafar fil-ħarifa biex jintlaħaq livell sodisfaċenti. Tgħid ukoll li l-ammonti maqtula fir-rebbiegħa huma insinifikanti. Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li fil-ħarifa dak li jinqatel suppost jiġi ddikjarat mill-kaċċaturi nfushom, iżda l-istatistika turi li 4% biss tal-kaċċaturi jiddikjaraw li qatlu mill-inqas għasfur wieħed f’ħames xhur sħaħ. Dan juri kif m'hemm l-ebda prova soda li m'hemmx kaċċa sodisfaċenti fil-ħarifa. Apparti minn hekk, u forsi aktar importanti, l-argumenti kollha ta’ Malta jonqsu u huma invalidi jekk l-għasfur li qed jiġi kkaċċjat ikun fi stat vulnerabbli, bħall-Gamiema. Din l-ispeċi naqset drastikament fl-aħħar 30 sena u se tkompli tonqos. Il-kaċċa, għal dan l-għasfur, hija waħda minn ħafna raġunijiet u fil-fatt fl-Ewropa qed isir kollox biex dan l-għasfur ma jinqatilx is-sena kollha, aħseb u ara fir-rebbiegħa. Pajjiżi bħal Franza, Spanja u l-Portugall diġà waqqfu kull kaċċa fuq din l-ispeċi.
Mil-lat ta’ rispett, il-kaċċa f'pajjiżna fir-rebbiegħa tnaqqas ukoll il-pjaċir u l-mistriegh għas-soċjetà kollha. Matul l-istaġun tal-kaċċa, wieħed ftit li xejn jista’ jgawdi l-kampanja bin-natura fl-aqwa tagħha. Dan ghaliex il-kaċċa ssir fil-postijiet kollha inklużi dawk pubbliċi u anke fis-siti tan-Natura 2000. F’pajjiż żgħir b’ambjent naturali limitat u mhedded kontinwament bejn żvilupp jew ieħor, dan l-impatt tal-kaċċa fir-rebbiegħa jiġi amplifikat.
Jaqbel mal-Kaċċa fir-rebbiegħa - Jitkellem il-President tal-Federazzjoni tal-Kaċċaturi, Nassaba u Konservazzjonisti Lucas Micallef:
Il-kaċċa hija l-eqdem prattika eżistenti ta’ użu sostenibli ta’ riżorsi naturali - li propju illum bqajna bħala umani niċċelebraw dan bħala parti essenzjali mill-evoluzzjoni tal-bniedem. Bniedem ma’ jsirx kaċċatur iżda jitwieled. Ir-rebbiegħa tista’ tgħid l-isbaħ staġun li neperjenzaw aħna magħtul is-sena, fejn l-ambjent ta’ madwarna jkun qed jissokta l-ġmiel tiegħu u propju dan huwa żmien tant mistenni, minn eluf ta’ kaċċaturi Maltin u Għawdxin.
Il-gżejjer Maltin ma jħaddnu l-ebda tip ta’ kaċċa residenti, ħlief għall-eċċezzjoni tal-fenek selvaġġ. Il-gamiema hija l-aktar tajra prestiġjuża għalina l-Maltin u proprju minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tal-gżejjer tagħna, l-aktar preżenza maġġuri tal-migrazzjoni ta’ din it-tajra iseħħ bejn April u Mejju, meta tradizzjonalment kienet ikkaċjata. Numru zgħir ħafna ta’ gamiem ipassi okkażjonalment fil-bidu ta’ Settembru.
Projbizzjoni totali tal-prattika soċjo-kulturali tradizzjonali tal-kaċċa għall-gamiema fir-rebbiegħa f’Malta, prattikament ikun ifisser it-tneħħija tal-kaċċa tradizzjonali għall-eluf ta’ kaċċaturi Maltin.
Mad-dħul ta’ Malta bħala membru stat fl-Unjoni Ewropea, dan fisser aktar diffikultajiet għat-tradizzjonijiet tagħna. U propju lura f’Settembru tal-2009, permezz tal-verdett tal-Qorti tal-Kostituzzjoni Ewopea, ġie stabbilit il-prinċipju li l-kaċċa tal-gamiema fil-ħarifa ma tikkostitwixxix soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti għall-kaċċa tal-ispeċi fir-rebbiegħa.
Sfortunatament il-problemi ma waqfux hemm, għax propju fl-2015 kellna l-ewwel referendum abrogattiv fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa, fejn propju rebaħ il-kaċċatur. Dan filwaqt li fis-sena 2022 u l-2023, il-prattika ġiet mhedda permezz ta’ Mandati ta’ Inibizzjoni kontra l-Gvern minn Birdlife Malta. Dawn il-mandati qed isiru għaliex qiegħed jiġi argumentat li l-popolazzjoni Ewropea tal-gamiema qed jonqos.
Il-FKNK tħaddan ir-responsabilità li meta tippreżenta proposti fil-kumitat Ornis, dejjem tagħraf li l-prattika tkun sostenibli u bl-ebda mod ma tkun ta’ impatt negattiv lejn l-ispeċi. Illum informazzjoni li l-maġġor parti tagħha hija miġbura minn Birdlife, stess turi li l-istati li minnhom ikunu ġejjin dawn il-gamiem, għandom popolazzjoni stabbli. Qed juru wkoll li fuq skala wiesgħa qed jiżdiedu. L-istess għall-kontribut lejn l-ispeċi li qed tagħmel l-FKNK stess, billi trabbi fil-magħluq u titlaq lura fis-selvaġġ frieħ waqt staġun magħluq fejn dawn ipassu għal pajjizi oħra.
Dan kollu li semmejt għidnih kemm il-darba, speċjalment matul dawn l-aħħar ġimgħat u ma nixtieqx nibqa’ nirrepeti. Imma huwa xieraq li persuna tifhem u tgħarraf is-sitwazzjoni attwali.
Għalina li nkunu fid-dura, jew induru flimkien mall-klieb tagħna magħtul dan iż-żmien tas-sena huwa mument li l-kaċċaturi u nassaba biss li jistgħu jifhmu. Meta tara fenomini fin-natura bħal migrazzjoni ta’ għasafar diversi, insetti dakkara bħal friefet, fjuri u flora diversa, u dan kollu jidħol f’ċiklu ta’ meta wieħed jesperjenza dan ma sebħ il-jum. It-tehid ta’ tajra huwa l-aħħar element fiċ-ċiklu. Il-kaċċa, speċjalment matul, l-istaġun fir-rebbiegħa hija vjaġġ ta esperjenzi ta’ stil ta’ ħajja. Fejn lkoll iħossuna konnessi u qrib in-natura u propju nagħrfu aħna min aħna bħala persuni.