L-attentat biex l-Avukat Christian Zammit jibqa’ Sindku Laburista tax-Xagħra, jidher li falla.
Zammit, ta’ 38 sena, qal, “issa daqshekk” u minnufih ħabbar li se jitlaq kompletament mill-politika.
Ta x’jifhem li waħda mir-raġunijiet hija l-isfreġju ambjentali xprunat l-aktar mill-mega kuntrattur Għawdxi, Joe Portelli.
Imma diversi persuni fil-Partit Laburista qalu li din hi sempliċiment skuża ħelwa biex jitlaq. Oħrajn qed isostnu li jgħidu x’jgħidu, Zammit jirrifletti d-dwejjaq fil-Partit u d-dwejjaq tal-Laburisti lejn it-tmexxija preżenti tal-Partit Laburista.
L-aħħar attentat biex Zammit jibqa’ sar personalment mill-Prim Ministru Robert Abela li kellem lil Zammit biex jipprova jikkonvinċih biex joqgħod.
Attentati anke saru mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Nies qrib Zammit qalu li hu rrabbjat ħafna għall-Partit, sentiment li qed itambar fil-Partit stess.
Sena ilu, wara s-sehem tiegħu fl-Elezzjoni Ġenerali fejn kien mar ħażin, Zammit kien qal mal-media li kellu bojkott mill-lobby tal-kostruzzjoni.
Nies qrib tiegħu anke qalu li jaħseb li l-politika Laburista ma tħarisx biżżejjed lejn l-ambjent, anzi lejn l-oppost. B’kuntrast ma’ dawk favur aktar bini, bħal Ministru Clint Camilleri u d-deputata Laburista Josianne Cutajar.
F’Għawdex, bħalissa hemm żvilupp rampanti u bla rażan li qed iħalli feriti kbar fid-dehra tal-gzira pittoreska. U dwejjaq kbar mal-Għawdxin.
Għalkemm Zammit ġab 415-il vot fl-aħħar elezzjoni fuq it-13 id-distrett, f’2009 kien ġab fuq l-4,000 vot fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan huma voti tal-ewwel għadd.
Fil-kamp politiku kien ħadem ma’ Chris Fearne u kif ukoll ma’ Anton Refalo. Kien ġie elett kunsillier fl-2007 u sar Sindku fl-2009. Kien l-ewwel Għawdxi Laburista li kkontesta għall-Parlament Ewropew.
Ir-riżenja ta Zammit tfisser daqqa għal Abela u ċans għall-PN f’Għawdex fejn għandu jkabbar il-mewġa favur id-deputat Nazzjonalista Alex Borg.