Xebbajtuna! B’rabja kollettiva l-poplu jingħaqad kontra l-ħakma tal-iżviluppatur

Emozzjonijiet kbar imlew it-toroq Beltin ilbieraħ filgħodu waqt protesta Nazzjonali organizzata minn numru ta’ għaqdiet b’għan wieħed, li jsiru r-riformi tant meħtieġa. Din il-gazzetta kellmet lil tliet attivisti u tistaqsi, għaliex saret il-protesta u x’qed jipproponu 

Rabja, frustrazzjoni u dispjaċir. Dak li kienu qed iħossu mijiet ta’ Maltin li lbieraħ ingħaqdu b’vuċi waħda kontra l-isfreġju ambjentali u l-iżvilupp bla rażan. Din il-protesta nazzjonali, li saret f’qalb pajjiżna – il-Belt Valletta, saret b’għan wieħed biex jissejħu bidliet radikali urġenti fis-setturi tal-ambjent u tal-ippjanar.  

Il-protesta nazzjonali ġiet organizzata minn Moviment Graffitti, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, BirdLife Malta, Għawdix, Ramblers Association Malta, Nature Trust – FEE Malta u Friends of the Earth Malta. Dan biex ma nsemmux aktar minn 80 gruppi ta’ residenti, studenti, għaqdiet kulturali u NGOs u ‘l fuq minn 250 akkademiċi li taw is-sostenn tagħhom u l-appoġġ kollu meħtieġ.  

Kull darba li l-poplu sabbat saqajh u ġġieled għad-drittijiet tiegħu, minkejja l-ostakli tal-poter, l-awtoritajiet kellhom ibaxxu rashom għar-rieda tal-poplu Moviment Graffitti

Din il-protesta mhux biss opponiet bil-qawwi l-iżvilupp u l-mudell ekonomiku li qed jitħaddem bħalissa talli sejħet bidla ibbażata fuq tliet prinċipji; Bidla fil-policies, riformi fi ħdan l-istituzzjonijiet responsabbli mill-ambjent, l-ippjanar u l-artijiet u mudell ekonomiku li jmur lil hinn mit-tkabbir u jkun aktar bilanċat biex jiżgura l-kwalità tal-ħajja.  

Fost id-diskorsi li saru waqt il-protesta kien hemm dik tas-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manche li sostna li bħala bniedem li għex u li pprattika l-valur u prinċipji soċjalisti jinsab “diżgustat u imweġġa’ li nara lill-pajjiżi dejjem sejjer għan-niżla minflok għat-tela’fejn jidħol il-qasam ambjentali, li tant huwa għal qalbi.”  

Insista li mingħajr ambjent tajjeb madwarna, is-saħħa tagħna – fiżika u mentali tiddeterjora – u tħalli riperkussjonijiet kbar fuq il-bniedem. Huwa sostna li m’għandux fiduċja fl-awtoritajiet u li ma kull waħda minnhom kellu diżgwit kbir u li skont hu “mhumiex hemm biex jaqdu l-interess tal-poplu u l-ġid komuni li għalih suppost ġew imwaqqfa.”  

Min-naħa l-oħra tkellmet ukoll il-Koordinatriċi tal-għaqda Flimkien għal Ambjent Aħjar, Astrid Vella, li b’rabja qalet li dak li qiegħed isir fil-kamp ambjentali jmur kontra l-ġustizzja soċjali, “li tieħu l-isbaħ postijiet, ix-xtajtiet, il-ġonna u l-kampanja mingħand kulħadd biex igawduh is-sinjuri u l-profitt tal-ftit, tmur kontra kull sens ta’ ġustizzja soċjali. Irridu aktar lokalitajiet protetti għall-pubbliku.”  

Għaldaqstant l-ILLUM tkellmet mal-attivist tal-Moviment Graffitti Andre Callus, mal-Kap Eżekuttiv ta’ Bird Life Malta Mark Sultana u l-President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa dwar tliet affarjiet: X’wassal għall-protesta, x’ipproponew waqt il-protesta u x’qed jistennew li jsir wara l-protesta. 

‘Bid-direzzjoni li sejrin fiha diħlin ġol-ħajt, hemm bżonn li nbiddlu r-rotta’ – L-Attivist tal-Moviment Graffitti Andre Callus  

Żgur ma kinitx tal-ewwel u wisq anqas se tkun tal-aħħar li Moviment Graffitti ħareġ fit-toroq isemma’ leħnu fejn kien hemm bżonn. Iżda għaliex huma, flimkien mal-organizzaturi l-oħra ħassew il-bżonn ta’ protesta nazzjonali? 

“Ċara li hemm rabja kbira. Il-ġlieda ma bdietx bil-protesta ta’ lbieraħ u ilha s-snin għaddeja, speċjalment ma’ komunitajiet differenti. F’din il-protesta nazzjonali ridna li niġbru din ir-rabja u niddirezzjonawha lejn dak li hemm bżonn li jinbidel b’mod strutturali, mhux biss fuq proġett jew ieħor iżda x’hemm ħażin fil-liġijiet, fil-policies tal-ippjanar l-awtoritajiet eċċ,” wieġeb l-attivist Andre Callus.  

Żied jgħid ukoll li bħala Graffitti għamlu ħafna kuraġġ meta raw ir-rispons minn għaqdiet, komunitajiet u wkoll persuni mxebba’ bis-sitwazzjoni.  

Fost it-tibdiliet li qed jistennew dawn l-għaqdiet Callus għamel referenza għal bidla fil-policy tal-għoli tal-lukandi u sostna li b’mod ġenerali l-awtoritajiet kollha għandhom jinbidlu biex ma jibqgħux ikkontrollati direttament mill-politiċi u n-negozju. “Dawn il-bordijiet taparsi indipendenti, jinħatru minn Ministri u jkun hemm ħafna influwenza minn wara l-kwinti fuqhom. Farsa sħiħa. Aħna rridu istituzzjonijiet indipendenti.”  

Huwa għamel enfasi wkoll dwar il-mudell ekonomiku u stqarr li minflok niffissaw fuq it-tkabbir, “għandna nqassmu l-ġid aħjar. Dan isir billi jkun hemm pagi ogħla, taxxi fuq qligħ konsiderevoli.”  

Hawn l-ILLUM staqsietu x’messaġġ jgħaddi lil Gvern u għal dan huwa qallu, “bid-direzzjoni li sejrin fiha diħlin ġol-ħajt, hemm bżonn li nbiddlu r-rotta għax mhemmx alternattiva.”  

‘Fejn qabel konnha immorru għand in-nies aħna biex jiġu jipprotestaw magħna issa qed jgħidulna huma’ - Il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta Mark Sultana  

“Xbajna naraw is-sistema tikrolla u jsiru l-abbużi u qed nagħmlu dawk it-tliet talbiet.” Hekk qal il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta, Mark Sultana, mal-ILLUM.  

Huwa jemmen li f’artijiet li jinsabu f’Żoni Barra mill-Iżvilupp (ODZ) u siti ta’ Natura2000 l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irid ikollha aktar saħħa biex ma taċċettax l-iżvilupp. “Nistgħu nikkunsidraw li l-ERA jkollha l-poter tal-VETO u tkun hi li tiddetermina li tara jekk jibdiex l-iżvilupp.”  

Qal li sakemm il-partiti politiċi jibqgħu jieħdu donazzjonijiet mill-iżviluppaturi “dawn se jibqgħu dejjem fil-bwiet tagħhom bil-possibilità li t-tibdil li jsir, isir biss kosmetiku.”  

Huwa qal li bagħtu messaġġ lil mexxejja tal-pajjiż, l-istituzzjonijiet u anke lill-Oppożizzjoni, jiġifieri “il-pilastri tad-demokrazija. Għandhom jisimgħu l-għajta tan-nies. Il-politiku qiegħed hemm biex iservi lil poplu u mhux lill-iżviluppatur. Ilni naħdem fl-attiviżmu l-maġġoranza ta’ ħajti u qatt ma rajt daqshekk NGOs magħqudin daqs ilbieraħ. Fejn qabel aħna konna ninfurmaw lin-nies biex jipprotestaw kontra żvilupp, illum in-nies jiġu għandna biex nagħmlu l-protesti u biex intellgħu l-każijiet il-Qorti.” 

‘Huwa ċar li l-mudell ekonomiku li għażilna fil-passat huwa żball u mgħadux relevanti għall-ħtiġijiet ta’ llum’ - Il-President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa Prof. Alex Torpiano  

L-ILLUM tkellmet ukoll mal-President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa Prof Alex Torpiano illi sostna li l-messaġġ huwa wieħed; Li l-iżvilupp għandu jkun għall-ġid tal-komunità mhux tal-individwu. Qal li issa wasal iż-żmien biex id-diskors li xi ħadd għandu d-dritt li jibni “għax ta’ ħdejh bena ukoll trid tinqata’ darba għal dejjem.” 

Qal li ingħaqdu fi sħab biex issir din il-protesta proprju biex jirrifelttu n-numru ta’ telefonati u imejls li qed jirċievu minn nies li jgħixu f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Mistoqsi fuq xhiex huma l-aktar inkwetati n-nies huwa wieġeb li n-nuqqas ta’ ippjanat qiegħed idejjaq lil ħafna nies. 

“Ħafna mingħalihom li se jmorru jgħixu f’lokalità partikolari għall-kwiet u f’daqqa waħda l-awtorità tippermetti li jsir bini massiċċ. Sar żball bir-regoli li għamilna bħala pajjiż u rridu nikkoreġuh,” żied jgħid Torpiano.  

Huwa irrimarka wkoll li fejn qabel l-għaqda kienet tirċievi telefonati minn żona jew tnejn issa qed tirċievi minn madwar il-gżejjer kollha.  

Iżda x’inhi l-aktar ħaġa li għandha bżonn attenzjoni?  

Fl-opinjoni tiegħu l-aktar ħaġa importanti huwa l-mudell ekonomiku għax l-ippjanar jirrifletti dak li l-mudell ekonomiku li qed jitħaddem fil-prattika. Kompla li bħala pajjiż xi snin ilu għażilna ekonomija trid timxi ‘l quddiem bil-kostruzzjoni u billi nżidu l-popolazzjoni u sintendi dawn huma marbuta ma xulxin.  

Tenna li dak kien il-mudell li kien hemm bżonn fil-mument, iżda mgħadux relevanti għal-lum il-ġurnata. Tant hu hekk illi qal li dan il-mudell, l-iżvantaġġi qed ikunu aktar qawwija mill-vantaġġi li seta’ kien qiegħed jagħti dan il-mudell fil-passat.  

“Aħna qatt m’għidna lil xi ħadd biex ma jibnix. Imma ma jistax dak li jkun jibni tliet sular minflok ħamsa? Se jinbnew ħames sulari biex igawdu minnha à skapitu tal-komunità,” saħaq Torpiano.  

Kompla jgħid li fejn jirrigwardja l-ippjanar qed isir żball ukoll għaliex meta l-awtorità jkollha quddiem applikazzjoni taħdem b’mekkaniżmu fejn jiġu elenkati r-raġunijiet biex jirrifjutaw li jingħata permess. Għaldaqstant jispjega li jekk ma jkunx hemm raġunijiet, il-permess jinħareġ.  

“Illum il-ġurnata irridu nsibu l-argument għalfejn ngħidu iva. Jekk ikun hemm bżonn skola jew xi sptar, dawk huma raġuni validi iżda jekk titressaq applikazzjoni biex ikun hemm gwadann minn blokka appartamenti, il-permess ma jingħatax għax dak mhux gwadann tal-komunità iżda tal-individwu,” temm jgħid mal-ILLUM Prof Alex Torpiano.   

More in Politika