“Jien ma naħmilhiex saħta man.” Dan kien dak li nstema’ jgħid il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-Parlament, fil-konfront tad-deputat Nazzjonalista Rebekah Borg.
Dan hekk kif wara numru ta’ mistoqsijiet li għamlet Borg lil Bartolo fil-Parlament, jidher li l-mikrofonu tal-Ministru ma laħaqx intefa’.
Fuq Facebook, Borg kitbet “dan kliem xieraq ta’ Ministru fil-Parlament kontrija, meta biss qed nagħmel xogħli u nistaqsi domanda kif huwa d-dmir tiegħi?”
Kienu bosta fuq il-midja soċjali li esprimew is-solidarjetá ma’ Rebekah Borg, hekk kif innutaw li kliem ta’ mibgħeda bħal dan m’għandux jintqal fl-ogħla istituzzjoni Maltija.
"Grazzi taċ-ċertifikat li xogħli nagħmlu sew Ministru Bartolo", temmet tgħid Borg.
Intant, l-ILLUM tinsab infurmata li l-Ministru Bartolo bagħat apoloġija b'mod personali lil Borg b'rabta ma' dan il-kumment.