Mhux magħruf meta se jibdew jitqassmu l-prodotti mestrwali fl-iskejjel

Minkejja li l-Gvern ma identifikax meta se jkun qiegħed iqassam il-prodotti mestrwali, kif imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, qiegħed iwettaq studju biex jara kif u x’se jitqassam fl-iskejjel primarji u sekondarji  

Is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza ma indikax meta se jibdew jitqassmu l-prodotti mestrwali fl-iskejjel, liema prodotti ġew imwegħda li se jkunu qed jitqassmu b’xejn fl-iskejjel Primarji u Sekondarji għat-tfajliet fil-bżonn.  

Dan meta mistoqsi mill-gazzetta ILLUM li fakkru fil-wegħda tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista ‘Malta Flimkien’. Dan l-istess kunċett kien imwiegħed ukoll bħala parti mill-Ewwel Strateġija Nazzjonali għall-Mainstreaming tal-Ġeneru (GEMSAP) imniedi fl-aħħar xhur tas-sena 2022. Din l-istrateġija hija ibbażata fuq tmien pilastri u filwaqt li l-għan tagħha huwa li tidentifika u tneħħi ostakli fis-soċjetà bejn il-ġeneri, tindirizza wkoll l-ugwaljanza fuq livelli għolja bħal fosthom fil-proċess tat-tfassil tal-policies. Dwar din l-istrateġija l-ILLUM staqsiet f’liema stadju tal-implimentazzjoni wasal iżda ma ngħata l-ebda informazzjoni.  

Studju biex jara l-esiġenzi tal-iskejjel  

Intant is-Segretarjat nieda proċess ta’ riċerka sabiex jiġi indikat l-aħjar mezz ta’ kif għandhom jibdew jitqassmu dawn il-prodotti. L-ILLUM hija infurmata li tfassal dokument b’numru ta’ mistoqsijiet immirati għal studenti (tfajliet) tal-Primarja u s-Sekondarja ta’ madwar Malta u Għawdex, jiġifieri dawk li qegħdin fil-ħames sena sa dawk li qegħdin fil-11-il sena.  

Mistoqsi għaliex qiegħed isir dan l-istudju, is-Segretarjat qal li r-riċerka qed issir fuq żewġ binarji prinċipali:   

  • L-ewwel prinċipju huwa biex issir evalwazzjoni ta’ proġetti simili li saru f’pajiżi li diġà introduċew dan il-kunċett u  
  • It-tieni prinċipju huwa li jinkludi l-parteċipazzjoni tat-tim tat-tmexxija tal-iskejjel inkluż dak tal-għalliema u l-istudenti biex jifhmu sew ir-realtajiet tal-iskejjel Maltin.  

“Ir-riżultati ta’ din ir-riċerka se jwasslu biex jiġu identifikati liema prodotti se jkunu disponibbli u l-bżonnijiet tal-iskola fejn tidħol il-metodu ta’ distribuzzjoni,” spjega s-Segretarjat.  

Tfajla minn kull 10 ma taffordjax prodotti sanitraji 

Fis-suq jeżistu prodotti varji fosthom dawk l-aktar bażiċi; It-tampuni, sanitary towels (pads) u l-menstrual cup – prodott relattivament ġdid li jista’ jerġa’ jintuża xahar wara xahar. Dan l-aħħar ħafna nisa u tfajliet qed jirrikorru għal sanitary towels tad-drapp li jistgħu jerġgħu jintużaw diversi drabi, kif kien isir fil-passat qabel ma ġew introdotti prodotti li jintużaw darba biss (disposable). Għalkemm hemm ħafna li qed jirrikorru għalihom għaliex huwa aħjar għall-ambjent, il-maġġoranza qed jagħmlu dan bil-għan li jiffrankaw il-flus. Fl-Ewropa, tfajla minn kull 10 ma taffordjax prodotti sanitarji.  

Lil hinn mill-ispejjeż tal-prodott innifsu, nofs il-popolazzjoni dinjija, inkluż dik fil-gżejjer Maltin tħallas taxxa fuq dawn il-prodotti bażiċi, li huma dritt tal-bniedem. Fil-fatt, f’pajjiżna biss, mara tħallas madwar €380 f’taxxa “roża”. Din it-taxxa hija applikabbli fuq il-prodotti mestrwali kif ukoll fuq oġġetti ta’ iġjene femminili inkluż xfafar u prodotti tal-ħasil tal-ġisem, fost oħrajn . Dawn l-oġġetti jaqgħu taħt l-ogħla rata ta’ taxxa fuq il-bejgħ f'ħafna pajjiżi, inkluż f’Malta fejn ir-rata hi ta’ 18%. Dawn il-prodotti mhux biss mhumiex meqjusa bħala oġġetti essenzjali talli saħansitra jiġu ddikjarati “lussu” f’għajnejn il-liġi.  

Fl-Unjoni Ewropea l-Irlanda u l-Iskożja biss huma l-pajjiżi li eliminaw kompletament it-taxxa fuq il-prodotti mestrwali. Minkejja dan, għandna nirrimarkaw fil-pożittiv li l-Unjoni Ewropea introduċiet liġi li tippermetti l-Membri Stati tagħha jeżentaw il-VAT fuq prodotti sanitarji. B’din il-liġi l-Kroazja naqset it-taxxa minn 25% għal 13%, l-Italja minn 10% għal 5% u Spanja minn 10% għal 4%.  

Fl-Istrateġija tal-Mainstreaming tal-Ġeneru s-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg kienet qalet li se tkun qed tnaqqas il-VAT dwar il-prodotti fi żmien ħames snin mit-tnedija tagħha.  Fil-fatt f'konferenza kmieni dalgħodu Buttigieg stqarret illi l-Gvern għaddej b'diskussjonijiet biex ir-rata tal-VAT fuq prodotti relatati mal-mestrwazzjoni tkun l-inqas possibbli. 

“L-impenn tagħna huwa li neliminaw l-istigma relatata mal-mestrwazzjoni u nedukaw biex dak li jkun jifhem dan il-proċess naturali li huwa marbut intrinsikament mas-saħħa sesswali u riproduttiva filwaqt li ma nħallux li l-period jaffettwa ħażin kemm is-saħħa fiżika u kif ukoll dik mentali," qalet Buttigieg. 

Sa 2030 kulħadd irid ikollu aċċess għall-prodotti 

Tajjeb li nsemmu li l-flus li n-nisa jonfqu fuq prodotti mill-aktar essenzjali hija fuq nett tal-aġenda tal-Jum Internazzjonali iddedikat għall-iġene mestrwali, li seħħet ilbieraħ stess. 

Dan il-Moviment isejjaħ għal prodotti mestrwali li jingħataw b’xejn proprju għaliex in-nuqqas ta’ aċċess għal dawn il-prodotti għandhom riprekussjonijiet kbar fuq it-tfajliet u l-ħajja li jixtieq li jkollhom fil-futur. Apparti li jemmnu li kampanji bħal dawn inaqqsu l-istigma u jinstigaw biex diskussjonijiet fuq iċ-ċiklu mestrwali isiru b’mod naturali u mhux b’ħafna mistħija u skandalizzar, jemmnu li nuqqas ta’ aċċess għall-prodotti iħalli impatt enromi fuq is-saħħa, l-edukazzjoni u l-opportunitajiet ta’ qligħ.  

Dan il-moviment twieled fl-2013, fil-Ġermanja u minn dakinhar ‘l hawn irnexxielu jilħaq mas-670 miljun persuna minn kull kantuniera tad-dinja. Dan il-moviment mhux sempliċement qiegħed hemm biex darba f’sena jitkellem fuq il-prodotti iżda għandu tragwardi ċari: Sal-2030, kulħadd irid ikollu aċċess għall-prodotti.  

Riċentament Franza ħabbret li mill-2024 se tkun qed tagħti prodotti mestrwali li jistgħu jerġgħu jintużaw għall-persuni li għandhom 25 sena jew inqas. Ftit xhur ilu l-Katalunja – reġjun fi Spanja – ħabbret li hi wkoll se tkun qed tagħmel l-istess, għal kull mara. Għaldaqstant se jkunu qed jibbenefikaw 1.8 miljun mara u raġel trans. Magħhom jingħaqdu l-Iskozja flimkien ma’ New Zealand u l-Kenya li joffru l-prodotti b’xejn fl-iskejjel.

More in Politika