F’diskors waqt ikla f’konferenza tal-Accountants, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana argumenta bis-saħħa dwar il-bżonn li nbiddlu l-mudell ekonomiku f’Malta ibbażat fuq id-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin. Bħalissa f’Malta u Għawdex hemm eluf ta’ ħaddiema barranin li mingħajrhom ħafna negozji jfallu u jkunux jistgħu joperaw minħabba li l-Maltin u Għawdxin mhumiex lesti jaħdmu f’xogħol ta’ strapazz.
Iżda kummentaturi minn ġol-Partit Laburista stess qalu li l-kumment ta’ Clyde kien kumment bla ħsieb u mgħaġġel.
Apparti l-partitarji la l-Prim ministru Robert Abela u lanqas il-Ministru Silvio Schembri ma kienu lesti jaffaċċjaw din l-idea. Schembri fuq kollox qal li l-mudell jekk jinbidel irid ikun ibbażat fuq il-fatt li jekk jiġi investiment barrani ma jkunx dipendenti daqstant fuq numri ta’ impjegati.
Persuna midħla tal-Partit Laburista qal li l-Ministru Caruana jaf li biex tieqaf id-dipendenza fuq il-ħaddiema barranin il-Gvern irid ibiddel id-direzzjoni li qabad u li għaldaqstant jimpjega eluf ta’ ħaddiema bla snajja sewwa direttament fil-Gvern u kif ukoll fl-aġenziji tal-Gvern.
Tant hu hekk, li ħafna Maltin lesti joqgħodu komdi jaħdmu mal-Gvern, fejn hemm kultura ta’ skartar u kif ukoll nuqqas ta’dixxiplina u li għal kull biċċa xogħol hemm tlieta minn nies.
Illum jidher ċar lil l-Maltin mhumiex jaħdmu fil-catering, fl-ospitalità u fil-kostruzzjoni.
Agħar minn hekk, is-sors tagħna mill-Partit Laburista qal li kulħadd jaf li Clyde qed jipponta għal fuq. Ma jitlifix mument u ma jgħaddix kummenti diżpreġjattivi kontra l-Prim Ministru. Issa qed jipprova jagħmilha tal-ħelu u jbiddel is-sewwa magħruf. Meta jaf li l-pajjiż ma jistax ibiddel ir-rotta issa.”
Intant anke Bernard Grech, bħala Kap tal-Oppożizzjoni saħaq fuq il-bżonn li jinbiddel il-mudell ekonomiku fejn Malta tispiċċa dipendenti fuq popolazzjoni tal-barranin. Iżda d-diskors li ġie deskritt minn xi wħud bħala xenofobu ma offrix soluzzjonijiet alternattivi biex jimtlew il-postijiet battala li hemm fil-lukandi u kif ukoll fis-settur tal-kostruzzjoni.