'Li jkollok donazzjonijiet ġejjin min-negozji, fosthom dawk fil-kostruzzjoni, huwa inaċċettabli'

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat jemmen li tiġi konkluża l-inkjesta maġisterjali, għandha ssir inkjesta pubblika li tinvestiga l-każi kollha ta' mwiet fil-kostruzzjoni 

Il-Membru Ewroparlamentari Cyrus Engerer itenni li hemm bżonn ta' riforma fis-sistema elettorali u oħra fil-liġi tal-finanzjament tal-partit u dan proprju għaliex fi kliemu stess, "mhux aċċettabbli li jkollok donazzjonijiet ġejjin min-negozji, fosthom dawk fil-kostruzzjoni." Huwa qal dan fi stqarrija fuq Facebook, sigħat qabel il-velja skedata li ssir quddiem Kastilja. Qal ukoll illi l-partit poltiiċi huma essenzjali f'demokrazija u għaldaqstant għandhom jiġu ffinanzjati mill-istat. 

Huwa qal dan fid-dawl tad-dewmien fl-Inkjesta Maġisterjali dwar il-mewt ta' Jean Paul Sofia kif ukoll dwar l-oġġezzjoni li ssir Inkjesta Pubblika. Huwa qal illi llum hija ġurnata ta' dieqa kbira nazzjonali hekk kif, filwaqt li llum se ssir il-velja nazzjonali, miet żagħżugħ ieħor ta' 26 sena minħabba l-kostruzzjoni. 

"Hemm bżonn li nelevaw lil Malta għal-livell li jmiss - kemm fil-qasam tal-ġustizzja, kif ukoll fejn tidħol is-serjetà u d-dixxiplina fil-qasam tal-kostruzzjoni - żewġ temi li ta' spiss nitkellem fuqhom, anke jekk mhux kulħadd jieħu gost," stqarr Engerer. Huwa sostna li d-dewmien bil-ġustizzja hi inaċċettabbli, inkluż fil-każ tal-Inkjesti Maġisterjali "b'uħud minnhom għaddejin għal snin twal." Qal li fil-qasam tal-kostruzzjoni hemm bżonn ta' riformi kbar iżda li fuq kollox hemm bżonn ta' diversi checks and balances li jwasslu għaċ-ċertifikazzjoni f'kull pass kif ukoll biżejjed nies li jaħdmu fl-awtoritajiet biex ikunu jistgħu ilaħħqu max-xogħol kollu li jkun għaddej. 

Fl-aħħar qal illi l-interess tal-poplu, speċjalment ta' dawk l-aktar vulnerabbli, għandu dejjem jirbaħ. Qal illi irrispettivament minn x'nemmnu fuq x'ip ta' inkjesta għandu jkun hemm, illejla ħsibijietna lkoll għandhom ikunu ma' omm Jean Paul u dawk li qed ibatu l-istess uġih fis-silenzju. 

Miegħu ngħaqdu diversi nies biex ifakkru fl-importanza tal-velja ta' illejla u fl-għajta għall-ġustizzja mal-familja ta' Sofia, inkluż politiċi li fil-passat kienu jagħmlu parti mill-Gvern Laburista fosthom il-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca. 

Min-naħa l-oħra l-eks Prim Ministru Joseph Muscat f'kumment li ta lit-Times of Malta sostna li għalkemm il-pożizzjoni ta' Abela fuq l-inkjesta Maġisterjali hija korretta legalment, jemmen li wara li tiġi konkluża l-inkjesta u ssir ġustizzja, "għandu jkun hemm inkjesta pubblika." Huwa qal li l-irwol tal-inkjesta pubblika għandha tinvestiga l-każi kollha ta' mwiet fil-kostruzzjoni għaliex "kulħadd hu intitolat li ssirlu ġustizzja." 

More in Politika