Il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li huwa nħasad wara li sema’ l-proposta tal-Partit Nazzjonalista marbuta mal-liberalizzazzjoni tad-distribuzzjoni tal-enerġija, hekk kif skontu, dawn se jwasslu għal żidied fil-prezzijiet tal-enerġija.
Huwa qal dan b’reazzjoni għall-proposta tal-Partit Nazzjonalista mħabbra fl-aħħar jiem, liema proposta għandha l-ħsieb li tippermetti investiment privat fil-qasam tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
F’intervista fuq ONE Radio, Abela tkellem fuq il-laqgħa li saret bejn il-Gvern u l-MCESD, fejn stqarr li hemm sinerġija bejn il-viżjoni tal-Gvern u dik tal-imsieħba soċjali dwar l-enerġija. Saħaq fuq l-importanza li n-nefqa fuq id-distribuzzjoni tal-enerġija tiżdied bid-doppju fil-budget tas-sena d-dieħla, filwaqt li qal li l-€15-il miljun fis-sena għal sitt snin li kellhom jintefqu kienet ġejja minn tbassir ta’ esperti tat-tibdil fil-klima.
Qal li fid-dawl ta’ estremitajiet fit-temp li qed tesperjenza d-dinja, stqarr li dan kollu qed isir aktar kmieni miż-żmien li kien ġie mbassar mill-esperti, u għalhekk, hemm bżonn li l-pjanijiet f’dan ir-rigward ikunu aktar mgħaġġla.
Abela qal li l-investiment se jkun qed imur biex iżid iċ-ċentri ta’ distribuzzjoni u substations, kif ukoll għat-tisħiħ tad-distribuzzjoni eżistenti u aktar cables ġodda. Apparti dan, tkellem ukoll dwar pjanijiet marbuta mal-produzzjoni tal-enerġija, fosthom it-tieni interconnector minn Sqallija, ftehim mal-Libja dwar enerġija nadifa fit-Tramuntana tal-Afrika, il-proġett ta’ shore-to-ship, u pjanijiet għal skema ta’ batteriji li jaħżnu l-enerġija.
Rigward il-proposta ta-Partit Nazzjonalista, il-Prim Ministru qal li l-Oppożizzjoni hija inkonsistenti dwar il-proposti tal-enerġija tagħha, u l-viżjoni tagħha tinbidel kull sitt xhur. Abela qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech huwa l-unika persuna li ma jagħrafx li l-bidla fil-klima hija fenomenu globali. Stqarr li l-proposta marbuta mad-distribuzzjoni tal-elettriku se twassal għal prezzijiet tal-enerġija ogħla, u li l-piż għal dan jaqa’ fuq il-konsumaturi. Apparti dan, Abela qal li din l-istrateġija tkun daqqa ta’ ħarta lejn il-ħaddiema tal-Enemalta.
Robert Abela qal li l-Awtorità għat-Tibdil fil-Klima hija idea li ġejja wara xhur ta’ ħidma. Intant, il-konsulent maniġerjali David Spiteri Gingell kien stqarr li huwa kien irrakomanda din it-tip ta’ aġenzija lill-Gvern lura fl-2009.
Dwar it-tibdil fil-klima, Abela qal li l-istil tal-ħajja għandha tinbidel biex tilqa’ għal dan, u li l-Gvern irid jagħti direzzjoni għat-triq ‘il quddiem. Fost l-oħrajn, spjega li kull bini ġdid irid ikun effiċċjenti, u li l-Gvern qed imexxi b’eżempju billi jara li l-iskejjel ikunu newtrali mill-karbonju.
Abela tkellem ukoll dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia, hekk kif ammetta li seta’ kien aktar sensittiv dwar dan il-każ. Dan wara li Abela u l-grupp Parlamentari tal-Gvern kienu opponu li ssir inkjesta pubblika, iżda mbagħad kien ċeda għall-pressjoni pubblika ftit jiem wara.
Il-Prim Ministru emfasizza li hemm bżonn bidla fl-attitudni fis-settur tal-kostruzzjoni, hekk kif stqarr li ċertu azzjonijiet m’għadhomx aċċettabbli. Fosthom, huwa semma’ n-nuqqas ta’ rispett lejn il-ġirien u s-saħħa tagħhom.
Għalhekk, saħaq li hemm bżonn il-bidliet f’dan il-qasam, fosthom il-liċenzjar tal-kuntratturi li għandhom jiżguraw ir-rispett u l-professjonalità fis-settur. Innota li fis-settur tal-kostruzzjoni kien hemm mal-120 fatalità, u dan huwa xhieda li hemm bżonn bidla fid-direzzjoni.