“Malta għaddejja minn kriżi kbira,” dawn kienu l-kummenti ta’ Tony Zahra, President tal-MHRA, lil din il-gazzetta. Zahra stqarr li l-Assoċjazzjoni ħasset il-bżonn li titkellem dwar dawn is-suġġetti f’dan iż-żmien għax il-pajjiż kien għaddej minn kriżi serja. Zahra tkellem kontra l-mudell li qed jintuża f’pajjiżna u pajjiżi oħra bħal Dubai, fejn jiġu impurtati ħaddiema bla waqfien akkost ta’ kollox, biex il-pajjiż ileħħaq mad-domanda. Huwa tenna billi qal li jekk Malta tkompli miexja f’din id-direzzjoni, aktar nies se joħolqu problemi għall-infrastruttura, u l-kwalità tas-settur turistiku jaqa’ għad-detriment tal-pajjiż kollu.
L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandi u r-Ristoranti, (MHRA) hija diżappuntata bis-sitwazzjoni tal-qtugħ tad-dawl li xekklu s-settur turistiku fl-aħħar jiem, u anke bin-nuqqas ta’ azzjoni mill-Gvern dwar il-problemi li ilhom jgħollu rashom fis-settur tat-turiżmu.
Dan kien is-sentiment tal-President tal-MHRA Tony Zahra f’kummenti li ta lil din il-gazzetta, fl-istess ġimgħa li din l-assoċjazzjoni appellat għal azzjoni urġenti qabel Malta tieqaf tintogħġob mit-turisti.
Fil-fatt, ftit jiem ilu, l-MHRA tkellmet fit-tul dwar tliet problemi li qed iweġġgħu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna fost it-turisti.
L-ewwel problema li ġiet innutata mill-MHRA għandha x’taqsam mal-indafa fil-pajjiż, fejn ġie nnutat li minħabba ż-żieda fil-popolazzjoni marbuta mat-turisti u l-ħaddiema barranin, hemm bżonn ta’ aktar azzjoni b’risq l-indafa.
“Malta saret maħmuġa,” tgħid l-MHRA fl-istqarrija, hekk kif innutat li dan huwa inaċċettabbli jekk il-Gvern jixtieq li pajjiżna jibqa’ destinazzjoni turistika. Għalhekk, l-assoċjazzjoni appellat għal azzjoni urġenti b’mod speċjali sabiex tiġi mħarsa l-indafa tal-bajjiet, l-ibħra u t-toroq fost l-oħrajn.
It-tieni problema kellha x’taqsam max-xogħolijiet marbuta mal-kostruzzjoni u l-infrastruttura, liema xogħolijiet skont l-MHRA, “qed jagħmlu lil Malta sit ta’ kostruzzjoni permanenti.” Huma kkumentaw fuq in-nuqqas ta’ koordinazzjoni u pjanar, li qed iwasslu għal kaos u traffiku kullimkien.
“Malta waslet f’punt fejn ebda lokalità jew triq m’hi ħielsa minn kostruzzjoni li tħalli warajha storbju, trab u kruha astetika,” tistqar l-MHRA.
It-tielet problema hija dik tal-infrastruttura tal-enerġija, hekk kif l-MHRA stqarret li meta fl-aħħar jiem għoliet it-temperatura ta’ Malta u beda jinqata’ d-dawl f’numru ta’ lokalitajiet, is-settur tar-ristoranti u l-lukandi ħa daqqa kbira. L-assoċjazzjoni qalet li bosta mill-membri tagħha kellhom jarmu l-ikel u sofrew minn ħsarat f’apparat, liema ħsarat jammontaw għall-eluf ta’ ewro.
Apparti dan, l-MHRA innutat li kien hemm turisti li sabu ruħhom bla dawl fil-kmamar tagħhom, filwaqt li oħrajn ikkanċellaw ir-riżervazzjonijiet tagħhom, filwaqt li pajjiżna sofra minn ħsara fir-reputazzjoni tiegħu.
Tony Zahra tkellem dwar ir-rapport li kkummissjonat l-MHRA dwar is-settur turistiku Malti lura fl-2022. Dan ir-rapport kien jgħid li sabiex 80% tas-sodod fil-lukandi eżistenti u anke dawk li għadhom qed jinbnew jintużaw mit-turisti, pajjiżna għandu bżonn 4.7 miljun turist fis-sena, li huwa aktar mid-doppju tar-rekord ta’ turisti f’pajjiżna.
Zahra spjega wkoll li r-rapport kien wera wkoll problemi oħra fis-settur tat-turiżmu, fosthom li s-settur turistiku tal-lum il-ġurnata diġa qed joħloq problemi fuq l-infrastruttura tad-drenaġġ, u jekk in-numru ta’ turisti fis-sena jkompli jiżdied, dawn il-problemi se jigravaw. Fil-fatt, huwa nnota li f’ċertu postijiet bħal Buġibba u San Pawl il-Baħar, is-sitwazzjoni tad-drenaġġ diġa qiegħda fi stat ħażin minħabba l-ammont kbir ta’ nies li jgħixu f’din iż-żona, b’mod speċjali fi żmien is-sajf.
“Il-Gvern m’għamel xejn,” stqarr Zahra, filwaqt li nnota li minkejja li dan ir-rapport ilu li ġie ppubblikat minn Settembru li għadda, il-Gvern ma ħax azzjoni biex jindirizza l-problemi msemmijin fir-rapport.
Huwa ġab eżempju mis-settur turistiku fl-Isvizzera, hekk kif stqarr li minkejja l-kobor ta’ dan il-pajjiż, il-Gvern t’hemm ma jippermettix li jinħarġu permessi biex jaħdmu mingħajr pjan, u minħabba f’hekk, is-settur turistiku tal-Iżvizzera ma jiddependix fuq il-kwantità ta’ turisti, iżda jiddependi fuq il-kwalità.