Sustanza ġdida fit-toroq ta’ Paceville; għandha tkun ipprojbita?
L-Ingilterra b’pjan ta’ projbizzjoni, kontra l-pariri tal-esperti, l-Olanda taġixxi mill-ewwel filwaqt li l-pożizzjoni ta’ Malta mhix ċara
minn Shaban Ben Taher
F’Ġunju li għadda, ġie rrapportat mill-MaltaToday li fit-toroq ta’ Paceville qiegħed jinbiegħ fl-apert gass tat-tip N20, sabiex jiġi kkonsmat.
Għalkemm dan jintuża bħala loppju minn dentisti, kif ukoll f’operazzjonijiet minuri, qiegħed jiġi kkonsmat ukoll rekreazzjonalment. Dan jinbiegħ fi bżieżaq li jkunu jiswew madwar €5 il-waħda, u jittieħed man-nifs.
Ta’ min jinnota li jekk wieħed jieħu ammonti kbar minn dan il-gass, saħħet l-individwu kapaċi tkun fil-periklu, għax jista’ jikkaġuna nuqqas t’ossiġnu u li wieħed jintilef minn sensih.
Użu ripetut kapaċi jikkaġuna defiċjenza ta’ vitamini, li twassal għal ħsara fin-nervituri tal-korda spinali.
L-effett tiegħu huwa li jikkawża sensazzjoni ta’ ewforija kif ukoll dissoċċjazzjoni. Jikkawża li wieħed jidhak aktar kif ukoll jinqata’ mir-realtà. Dawn l-effetti jinħassu għal ftit minuti, li huwa perjodu qasir ta’ ħin meta mqabbel ma’ sustanzi oħra.
Din hija sustanza li qiegħda żżid fil-popolarita’, partikolarment fost il-Brittaniċi. Waħda mir-raġunijiet li jista’ jkun wasslet għal din il-popolarita’ hija l-fatt li din is-sustanza hija legali f’ħafna postijiet. F’sondaġġ li sar fl-Ingilterra, kważi 1 minn kull 10 persuni bejn l-etajiet ta’ 16 u 24 sena kienu kkonsmaw dan il-gass.
Il-Prim Ministru Ingliż Rishi Sunak diġa ħabbar f’Marzu li għadda miżuri li bihom il-Gvern Ingliż se jkun qed jipprova jimmitiga dan il-konsum. L-emendi proposti huma li l-produzzjoni, l-importazzjoni u l-bejgħ ta’ dan il-gass għall-konsum uman isir illegali, filwaqt li pussess le. Huwa qal li hemm bżonn ta’ “affrontazzjoni mingħajr tolleranza,” kif ukoll “ġustizza immedjata”
Is-Segretarja tal-Intern Brittaniku stqarret li, “Din se twassal sabiex jieqaf ikun hemm ġemgħat ta’ żgħażagħ li jħammġu ġonna pubbliċi b’ċilindri vojta.”
Fuq il-projbizzjoni kien hemm qbil anke mill-partit Laburista Ingliż, li jifforma l-oppożizzjoni. Però, qal li dawn l-emmendi “m’humiex biżżejjed u ġew wisq tard.”
Madanakollu l-Advisory Council on the Misuse of Drugs (ACMD), l-entita’ governattiva stabbilita sabiex tagħti pariri lill-Gvern fuq l-użu tad-droga, ma kinitx favur dawn l-emmendi. Hi argumentat li dawn il-miżuri huma sproporzjonati meta tqis il-livell ta’ ħsara li tagħmel is-sustanza. Żiedet ukoll li m’hemmx evidenza biżżejjed li turi korralita’ bejn l-użu ta’ din is-sustanza u imġieba antisoċjali.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Drug Science (kunsill konsultattiv Brittaniku) David Baddock ukoll wera d-diżapprovazzjoni tiegħu kif il-Gvern Brittaniku injora l-oppinjoni tal-kunsill konsultattiv tiegħu stess. Huwa staqsa, “X’inhu l-punt tal-kunsill konsultattiv meta l-pariri tal-esperti u xjentisti qed jiġu njorati?”
Adam Winstock, professur speċjalizzat fuq vizzji ta’ sustanzi, ukoll jemmen li dawn l-emmendi se jagħmlu aktar ħsara milli ġid. Huwa jaħseb li il-fatt li persuna tista’ tiħammiġlu l-kondotta minħabba dan il-gass se tikkawża aktar ħsara lil ħajjet l-individwu milli r-riskji assoċjati mal-konsum tiegħu.
It-Transform Drug Policy Foundation żiedet illi, kawża tal-leġiżlazzjonijiet li qed jiġu proposti, il-kontroll tal-prodott se jaqa’ f’idejn organizzazzjonijiet kriminali.
Fl-Olanda, il-bejgħ, xiri u pussess ta’ dan il-gass ġie projbit fl-1 ta’ Jannar tal-2023. Madanakollu, għadu jista’ jintuża fil-mediċina kif ukoll fl-industrija tal-ikel. Ir-raġunijiet li kwota il-Gvern Olandiż li wasslu għal din id-deċiżjoni huma dawk ta’ saħħa, kif ukoll l-inċidenti tat-traffiku. Skont studju li sar minn TeamAlert, l-użu tal-gass ikkontribwixxa f’1, 800 aċċident fit-toroq fl-aħħar tliet snin.
F’Malta, għadhom ma tħabbru l-ebda miżuri sabiex dan jiġi kkontrollat. Meta mistoqsi jekk hemmx miżuri li qiegħdin jiġu diskussi bħalissa, kelliem għall-Ministeru tal-Ġustizzja qal hekk: “Bħala Ministeru, qiegħdin kontinwament niddiskutu ma’ Ministeri oħra u stakeholders ikkonċernati, sabiex nassiguraw li l-qafas leġislattiv jirrifletti ir-realtajiet tal-lum u t’għada.”
Madanakollu, naqas milli jispeċifika aktar. Mhuhiex ċar jekk hux qed isir analiżi ta’ kif qed jimxu pajjiżi oħra, jew kemm dan is-suġġett qed jingħata priorità.
Ma nafux jekk qed isiru studji li juri l-effett tal-projbizzjoni tal-użu dan il-gass fuq in-numru ta’ persuni li jabbużaw minnu, u jekk il-pożizzjoni tal-leġislatur Malti hix li għandu jkun projbit jew le.
Lanqas ma nafu kemm hu avvanzat l-istadju tad-diskussjonijiet li għaddejjin, wisq anqas dwar jekk hemmx emmendi fil-liġi li qegħdin jiġu diskussi sabiex dan il-gass jiġi regolarizzat.