Chris Bonett ma jinstabx ħati ta' ksur ta' etika
Dan wara talba ta' investigazzjoni minn Arnold Cassola fuq rapporti li siefer fuq btala personali bil-karozza uffiċjali tiegħu
More in Politika
Dan wara talba ta' investigazzjoni minn Arnold Cassola fuq rapporti li siefer fuq btala personali bil-karozza uffiċjali tiegħu
Il-Kummissarju għall-Istandards ħabbar li, wara investigazzjoni li għamel fuq talba ta’ Arnold Cassola, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett ma nstabx ħati ta’ ksur ta’ etika. Dan b’referenza għal meta siefer fuq vaganza personali bil-karozza uffiċjali tiegħu.
Dawn ir-rapporti ħarġu lura f’Novembru tal-2022. Il-karozza kienet mikrija lill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin lura fl-2020, iżda ġie assenjata lil Bonett fl-2022, sabiex il-Gvern ma jkollux għalfejn iħallas penalitajiet ta’ terminazzjoni kmieni, hekk kif il-kuntratt tal-kirja kien għal ħames snin.
Il-Kummissarju qal li meta Ministru jkun assenjat karozza uffiċjali, din tingħata sabiex tintuża daqs li kieku kienet tagħhom, u huwa fatt magħruf li Ministri oħra ġieli użaw il-karozzi uffiċjali tagħhom għall-istess skopijiet.
Żied jgħid li, “ma jfissirx li din il-prattika hija tajba, u wieħed għandu jkun prudenti. F’każ ta’ dubju, wieħed għandu jagħżel dak li hu l-anqas kontrovenzjali u l-aktar etiku.”
Waqt li kien qed jeżamina l-kuntratt tal-kiri, il-Kummissarju sab klawżola li tgħid li jekk wieħed se jsiefer bil-karozza, għandu jinforma s-sidien kif ukoll iħallas ħlas addizzjonali. Madanakollu, Bonett wera irċevuti li juri li kien ħallas għal dawn minn butu.
Il-Kummissarju temm billi qal li filwaqt li Bonett ma kiser l-ebda regola, l-Uffiċju tal-Kummissarju għall-Istandards “għandu obbligazzjoni li mhux biss iħares il-liġi, iżda wkoll l-etika, li tmur oltre.”
Hu rrakkommanda li jitfasslu linji gwida li ma japplikawx biss għall-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, iżda għal kull uffiċjal tal-Gvern, sabiex jassiguraw is-serħan tal-moħħ tal-pubbliku.