Nhar it-Tlieta 22 t’Awwissu, Adel Ali Hassan, magħruf bħala ‘Aziz’, daħħal rikors il-Qorti sabiex ikun jista’ jixhed fil-każ kontra l-uffiċċjali ta’ Transport Malta mixlija b’korruzzjoni.
Fir-rikors, huwa jagħmel numru t’allegazzjonijiet serji fil-konfront ta’ dawn l-uffiċċjali, kif ukoll terzi persuni.
Hu jgħid li Clint Mansueto, li dak iż-żmien kien id-direttur ta’ Transport Malta, kien qallu sabiex jiżgura li ċertu individwi li kienu rrakkomandati minn Ministri mhux magħrufin, jgħaddu mit-test tas-sewqan. Skrivan bl-isem ta’ Philip Zammit kien jimmarka bi stilla ħdejn isem ċertu kandidati tat-testijiet sabiex jindika liema kienu. Jgħid ukoll li ra lill-istess Zammit fi rwol ta’ traduttur mill-Għarbi għall-Malti waqt it-testijiet ta’ xi kandidati Għarab, meta dan ma jitkellimx l-Għarbi.
Hassan jirrakkonta ukoll kif Mansueto kien iġiegħlu jħallaslu ikla darba f’xahar, fejn ġieli kienu jkunu preżenti eżaminaturi tat-testijiet tal-prattika, kif ukoll li jixtri rigali għal Mansueto stess kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu. Mansueto kien allegatament jitolbu ukoll perċentwal sostanzjali tal-qligħ li kien jagħmel mill-impjieg tiegħu ma’ Transport Malta.
Hassan iżid li b’dan kollu kien diġa prova jgħarraf lil Jesmond Zammit, li kien konsulent tal-Ministru tat-Trasport, lil Sandro Craus, li kien imexxi il-Customer Care tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, kif ukoll lill-Ministru ta’ dak iż-żmien Carmelo Abela. Madankollu, jgħid li l-ilmenti tiegħu waqgħu fuq widnejn torox.
Il-permess ta’ residenza ta’ Hassan ġie rrevokat minn Identity Malta fis-7 t’Ottubru tal-2021. Skontu, dan kien wara li rrifjuta li jgħin lill-eks Segretarju Parlamentari Alex Muscat fil-kampanja elettorali tiegħu għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2022.
Hassan jallega wkoll li huwa mar ikellem lil uffiċċjali għoljin mhux magħrufin fil-Palazz tal-President, iżda dawn qalulu, “oqgħod attent għax qed tirfes ħafna kallijiet u jagħmlulek bħal Daphne.”
Apparti l-korruzzjoni marbuta mat-testijiet tas-sewqan, Hassan jgħid ukoll li jaf b’numru ta’ barranin li kellhom ċittadinanza Maltija, li l-mewt tagħhom ma ġiex irreġistrat kif suppost. Minflok, l-identità ġiet trasfertita fuq barranin oħrajn sabiex b’hekk ikunu jistgħu xorta jivvotaw għall-Partit Laburista, għal eluf ta’ ewro f’tixħim.
Huwa talab li x-xhieda tiegħu tinstema' minn barra minn Malta, minħabba biżgħat li għandu minn perikli lejn saħħtu jew ħajtu marbuta mal-każ.
Ir-rikors ġie mressaq mill-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta.
Stqarrija minn Identity Malta
B'referenza għar-revokazzjoni tal-permess ta' residenza ta' Hassan, Identity Malta saħqet li ma kien hemm l-ebda raġun malizzjuża għal dan. Skont l-entità, l-individwu naqas milli jdaħħal il-karti kollha meħtieġa fl-applikazzjoni għat-tiġdid, anke wara li ġie mgħarraf bil-problema.