Il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ għal investigazzjoni dwar allegazzjonijiet minn whistleblower li allega li kien hemm numru ta' persuni barranin li ngħataw il-vot sabiex jivvutaw għall-Partit Laburista wara li tħallsu eluf ta' ewro.
B'reazzjoni għal dan, il-PN stqarr li dawn l-allegazzjonijiet huma " konferma li l-Partit Laburista wettaq abbużi fl-elezzjonijiet ġenerali li għaddew."
Fi stqarrija, il-PN qal li din hija konferma li l-PL kien u għadu lest li jibqa' jagħmel minn kollox biex jaħtaf il-poter mill-poplu Malti billi jinqeda bl-identità ta' persuni mejta. Din, skont l-Oppożizzjoni hija l-prodott ta' kultura ta' korruzzjoni u impunità, li nħolqu u ġew sostnuti mill-Gvernijiet ta' Joseph Muscat u Robert Abela.
"Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Kummissjoni Elettorali tiltaqa’ b’mod urġenti u tibda immedjatament investigazzjoni dwar dak li qed ikun allegat minn persuna li kienet fil-qalba tal-Partit Laburista."
Apparti dan, il-PN stqarr li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà għandu jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet serji wkoll mingħajr ma jħares lejn wiċċ ħadd. Hawn tfakkar ukoll li f’Diċembru 2016 u f’Marzu 2018, il-PN kien ressaq żewġ protesti ġudizzjarji kontra l-Kummissjoni Elettorali, l-Aġenzija Identità Malta u l-Ministru Owen Bonnici. Dan b'rabta mal-fatt li Identità Malta naqset milli tagħti informazzjoni li kellha bżonn il-Kummissjoni Elettorali biex din tkun tista’ tivverifika l-identità tal-persuni li għandhom id-dritt tal-vot.
Reazzjoni mill-Partit Laburista
Intant, b'reazzjoni għal dawn l-allegazzjonijiet, il-Partit Laburista stqarr li "mhux l-ewwel darba li fl-aħħar snin il-Partit Nazzjonalista għamel allegazzjonijiet simili b’rabta mal-elezzjonijiet."
Il-PL stqarr li minn dawn l-allegazzjonijiet, jidher li l-PN baqa' ma nbidilx u "għadu juża l-istess tattiċi u l-istess attitudni li sal-lum għadha ma wasslitu mkien."
Ftit tal-ħin wara, il-Partit Nazzjonalista ħareġ bi stqarrija f'oħra fejn stqarr li l-PL qed jipprova jdawwar l-allegazzjonijiet f'battibekk partiġġjan. Hawn sar appell sabiex jekk m'għandu xejn s'jaħbi, il-Prim Ministru Robert Abela għandu wkoll jitlob għal investigazzjoni serja.