Reġgħu tfaċċaw pjanijiet sabiex tinbena blokka appartamenti ta’ ħames sulari għoli, 200 metru bogħod mit-tempji megalitiċi tal-Ġgantija, wara li dawn kienu ġew abbandunati lura fl-2022, wara ruxxmata t’oġġezzjonijiet.
L-iżviluppaturi, Leanne Portelli u Jodie Lee Borg, qed japplikaw sabiex strutturi mġarrfin jitneħħew, u jsir skavar fis-sit sabiex jinbnew 13-il garaxx, żewġ maisonettes, kif ukoll 10 appartamenti fl-erbgħa sulari l-oħra. Il-proġett jinkludi wkoll pools u ġnien fuq wara tas-sit, kif ukoll pools fuq il-bejt.
Is-sit huwa viċin ukoll il-mitħna magħrufa bħala Ta’ Kola, li hija binja meqjusa bħala ‘Grade 1’, jiġifieri tgawdi l-għola protezzjoni possibbli. Din tapplika kemm għall-binja kif ukoll għall-madwar, fejn ma jistax isirilhom alterazzjonijiet.
Fost l-għaqdiet li kienu voċifori kontra dan il-proġett insibu lil Moviment Graffitti, Għawdix, u Din l-Art Ħelwa.
Il-prossimità tal-proġett lejn dawn is-siti qajjem oġġezzjoni anke mis-Supretendent għall-Wirt Storiku.