L-ADPD tisħaq għal turiżmu aktar sostennibbli
Tgħid li trid tgħolli l-eko-kontribuzzjoni u restrizzjoni fuq l-ammont ta' nies fuq Kemmuna
minn Shaban Ben Taher
Is-Sibt 23 ta’ Settembru, waqt f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tat-Turiżmu fil-Belt Valletta, l-ADPD saħqet fuq kif għandna nassiguraw li “n-numri ta’ turisti li jiġu f’pajjiżna ikun wieħed sostenibbli u li ghandna l-infrastruttura li tista’ tilqa’ għal dan l-influss.”
Dan filwaqt li insistiet li m’għandu jsir l-ebda żvilupp fuq Kemmuna, għax Kemmuna hi żona protetta.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Ralph Cassar qal li, “ċifri li ħarġu dwar it-turiżmu din is-sena juru li kważi lħaqna n-numri ta’ qabel il-Covid. Madanakollu, f’dan is-settur irridu naraw li n-numri jkunu sostenibbli għal-pajjiż u mhux pajjiż li diġa għandu l-iktar popolazzjoni b’densita’ għolja jispiċċa aktar iġġammjat mis-soltu fis-sajf għax m’aħniex kapaċi inlaħħqu man-numri.”
“Għalxejn niffanfraw bin-numri fit-turiżmu, jekk l-infrastruttura ma tlaħħaqx, is-servizz ta’ tal-linja jispiċċa mballat u m’hemmx servizzi bħal ġbir ta’ skart adegwat u sistema ta’ drenaġġ li tlaħħaq maż-żieda qawwija fin-numri,” żied Cassar. “Dan kollu jwassal biex noffru esperjenza pjuttost qarsa lil min iddeċieda li jqatta’ l-btala tiegħu hawn Malta jekk dan jeħel fit-traffiku, jara l-gżira b’munzelli ta żibel u l-ibħra tagħna bid-drenaġġ ifur ġo fihom. Hemm bżonn li naraw kemm eżatt jiflaħ il-pajjiż u naħdmu fuq il-kwalità tal-prodott speċjalment fid-dawl li mdawwrin b’pajjiżi li huma kompetituri diretti magħna u li jistgħu joffru esperjenza isbaħ u irħas.”
Saħaq ukoll li hemm bżonn żieda fl-ammont ta’ l-eko-kontribuzzjoni li jħallsu t-turisti. Dan bħalissa huwa ta’ 50 ċenteżmu kull lejl sa massimu ta’ 5 Ewro. “L-ammont għandu l-ewwelnett ikun bla massimu – aktar ma ddum hawn aktar trid tħallas tas-servizzi u l-piż fuq l-infrastruttura. U 50 ċenteżmu huma tad-daħk; 1 jew 2 Ewro kuljum kull persuna tagħmel aktar sens. Nistgħu niddiskutu kemm għandha tkun il-kontribuzzjoni imma żgur li għandha tintefaq fuq servizzi addizzjonali fil-lokalitajiet tagħna.”
Iċ-Chairperson tal-ADPD Sandra Gauci stqarret li “Kemmuna hija simbolu ta’ x’hemm ħażin fil-politika tal-gvern dwar it-turiżmu. Meta jkollok Ministru tat-Turiżmu joħroġ stqarrija li anqas deckchairs se tkun tfisser anqas turisti għal Kemmuna, tinduna kemm qegħdin f’idejn xi ħadd li lanqas biss tgħaddilu minn rasu li jieħu ħsieb sit ta Natura 2000 bħalma hi Kemmuna u li jrid jipprova jgħaddi n-nies biż-żmien. In-nuqqas ta’ rieda minn dan il-gvern li jipproteġi kif suppost lil-Kemmuna hija evidenti specjalment meta jinjora l-għadab tan-nies bl-influss massiv li l-gżira ċkejkna żgur ma tiflaħx għalih.”
“Aħna tal-ADPD konna u nibqgħu kontra kull żvilupp fuq Kemmuna li għanda tinżamm bħala wirt naturali u mhux tintuża għal-skopijiet spekulattivi,” kompliet tgħid. “Il-bżonnijiet ta’ dan il-wirt naturali għandhom jieħdu priorita fuq il-bżonnijiet ta min irid jaqla lira a skapitu tal-abbuż fuq wirt li hu ta kulħadd. “
Gauci allegat li l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo għandu kunflitt ta’ interess, “b’familjari b’negozji f’Kemmuna juri kemm il-mInistru qieghed iġib l-interessi personali qabel dawk ta’ kulħadd u speċjalment dwar x’hemm bżonn isir f’Kemmuna. Il-fatt li spekulaturi bħal Hili jridu jibnu mhux biss hotel imma anke ħwienet juri li l-ħsieb li anke gżira diżabitata bħal Kemmuna se taqbad it-triq ta’ Malta u Għawdex u taqa’ taħt l-għanqbuta tal-kostruzzjoni; hemm fejn la hemm bżonn u lanqas ħtieġa.”
Hi għamlet appell lill-Ministru Miriam Dalli sabiex tieħu pożizzjoni kontra l-iżvilupp f’Kemmuna, “jgħid x’jgħid il-Ministru Bartolo.”
Saħqet ukoll dwar il-bżonn ta’ capping fl-ammont ta’ nies li jmorru Kemmuna, kif ukoll fit-tnaqqis tad-deckchairs, wegħda li skont Gauci qatt ma nżammet. Intant Andre Callus, attivist tal-għaqda Moviment Graffitti, stqarr mal-ILLUM li dan it-tnaqqis ġie attwat diġa, għalkemm ma kienx biżżejjed biex jindirizza l-problema.