Fi sforz biex jissaħħu n-negozji u jiġi sostnut it-tkabbir ekonomiku, l-intrapriżi f’Malta u Għawdex ffrankaw kollettivament kważi €370 miljun fi spejjeż tal-elettriku fuq perjodu ta’ sentejn.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriża, Miriam Dalli, żaret il-kumpanija De La Rue, kumpanija li bħalissa qed tespandi l-fabbrika tagħha għal 29,000 metru kwadru f’investiment multi-miljunarju. Il-maniġment ta’ De La Rue irrikonoxxa r-rwol sinifikanti li kellu l-appoġġ tal-Gvern fil-pjanijiet ta’ espansjoni tagħhom. Dan il-proġett ta’ espansjoni mistenni jiġġenera madwar 100 impjieg ġdid.
Miriam Dalli ħabbret li l-Gvern irdoppja l-allokazzjoni baġitarja għal proġetti u inizjattivi mmexxija mill-Malta Enterprise, maħsuba biex jappoġġjaw negozji u startups involuti fir-riċerka u l-innovazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet, id-diġitizzazzjoni, l-effiċjenza enerġetika, u aktar, b’allokazzjoni totali ta’ €60. miljun.
Dalli kompliet tgħid li l-pass proattiv li ħa l-Gvern Laburista biex jassorbi ż-żidiet fil-prezz taż-żejt kellu rwol ċentrali biex jixpruna t-tkabbir ekonomiku. Dalli saħqet li l-ekonomija Maltija kibret madwar għaxar darbiet aktar malajr mill-medja Ewropea, grazzi għal din id-deċiżjoni kruċjali.
Il-Malta Enterprise hija lesta li tkompli topera diversi skemi biex tappoġġja negozji kompetittivi, inklużi dawk relatati mal-Business Development, Business Start, Innovate – Innovation Aid for SMEs, Rent Subsidy Scheme, Research & Development, Skills Development, Smart & Sustainable Investment, Startup Finance Scheme u Micro Invest, fost l-oħrajn, kif ukol l-Iskema popolari Get Qualifiedl-
Malta hija waħda mis-16-il pajjiż li l-proġett tiegħu ġie approvat taħt il-Proġetti Importanti ta’ Interess Komuni Ewropew (IPCEI). Din l-enfasi fuq is-setturi tal-microchips se tkompli tissaħħaħ fl-2024 permezz tat-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Eċċellenza, immirat li jattira innovaturi, akkademiċi, u industriji biex jikkontribwixxu għal teknoloġija avvanzata f’Malta.
Kurt Farrugia, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, esprima fiduċja fil-potenzjal tal-pajjiż li javvanza u jeċċella f’diversi setturi teknoloġiċi, u b’hekk isaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala ċentru għall-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku.